“Ta’ 20 Sena Qaluli Li Biex Ngħix Kelli Bżonn Trapjant Tal-Qalb” – Christine Grixti

Fil-Jum Dinji tal-Qalb li ġie ċċelebrat nhar it-Tlieta li għadda, Christine Grixti tkellmet dwar l-esperjenza li għaddiet minnha meta kellha 20 sena u t-tobba qalulha li sabiex tkompli tgħix kellha bżonn trapjant tal-qalb.

Christine tispjega li bdiet tħoss l-ewwel sintomi meta kellha biss 17-il sena u tirrakkonta kif il-qagħda ta' saħħa li kienet fiha ċaħditha milli tgawdi ċerti esperjenzi taż-żogħżija.

Tispjega kif meta ngħatat l-aħbar li kienet teħtieġ trapjant tal-qalb, għaddiet minn perjodu ta' stennija li fi kliemha kien ikkaratterizzat minn "dwejjaq kbar".

"L-istennija għal trapjant hi diffiċli għaliex, l-ewwel u qabel kollox, inti ma tafx jekk hux verament se jasal il-mument li tingħata trapjant, u t-tieni, inti taf li jekk jasal dak il-mument, dak ikun ifisser li xi ħadd ieħor tilef ħajtu," tispjega Christine fuq il-programm NET Live li qed jixxandar kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa fl-16:30.

Christine tirrakkonta kif f'dan iż-żmien tant diffiċli f'ħajjitha tilfet ukoll liż-żewġ ġenituri tagħha, u f'mument minnhom it-tobba wkoll qalulha li ma kienx hemm wisq tama li hi se ssalva.

B'xorti tajba, illum il-ġurnata Christine ngħatat it-trapjant li tant kienet teħtieġ u tinsab f'qagħda ta' saħħa ferm aħjar.

Ritratti:

Facebook / NET Live

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI