“Apprezzaw Kull Mument Ma’ Wliedkom Għax Dak Li Llum Hu R-Realtà Tagħna, Għada Jista’ Jibqa’ Biss Memorja” – Missier Jake Vella

Messaġġ li jmiss il-qalb minn missier il-mibki Jake Vella, li permezz tal-mezzi soċjali reġa’ qasam filmat b’memorja għażiża ta’ ibnu, memorja li llum għandha tifsira ferm akbar għalih. “Ma stajtx ma nerġax naqsam din il-memorja li tant ngħożż f’qalbi. Memorja li llum tfisser ħafna aktar minn sempliċi video … tfakkira ta’ mument sabiħ li se nibqa’ ngħożż għal dejjem,” kiteb missier Jake.

Iżda lil hinn minn din il-memorja personali, huwa għażel li jwassal appell sinċier lill-ġenituri kollha biex ma jieħdu qatt il-ħin ma’ wliedhom bħala xi ħaġa garantita. “Appell lil kull ġenitur: apprezzaw kull mument ma’ wliedkom, għożżu kull tbissima, kull tgħanniqa u kull sekonda li tqattgħu magħhom. Għax dak li llum hu r-realtà tagħna, għada jista’ jibqa’ biss memorja.”

Huwa kompla jfakkar kemm hu importanti li nesprimu l-imħabba tagħna llum, mingħajr ma nistennew għal xi okkażjoni speċjali. “Tistennewx għal għada biex tgħidu ‘inħobbok’, biex tagħtu tgħanniqa jew biex toħolqu memorji sbieħ. Għax fl-aħħar mill-aħħar, huma dawn il-mumenti li jibqgħu jgħixu għal dejjem f’qalbna.”

Kliem li jġiegħlek tirrifletti dwar kemm il-ħajja hi prezzjuża u kemm huma importanti dawk il-mumenti żgħar li kultant, fil-ġenn tal-ħajja ta’ kuljum, ma nagħtuhomx il-valur li jixirqilhom. Għal missier Jake, dawn il-memorji jibqgħu teżor li ħadd ma jista’ jeħodlu, filwaqt li l-messaġġ tiegħu jservi bħala tfakkira għal kulħadd biex jgħożż lill-għeżież tiegħu sakemm għadu jista’.

Ritratt:

Facebook / Josie Vella

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI