“Int Dejjem Se Tibqa’ L-Ewwel Eroj Tiegħi” – Maria Luana Bi Mħabba Lil Missierha F’Għeluq Sninu

Il-kantanta u attriċi lokali Maria Luana qasmet messaġġ mill-isbaħ fuq il-midja soċjali fl-okkażjoni ta’ għeluq snin missierha Ray, fejn esprimiet l-imħabba u l-gratitudni kbira li għandha lejh. “Jgħidu li l-ewwel imħabba ta’ tifla tkun missierha, u veru!” kitbet Maria Luana, filwaqt li fissret kif missierha minn dejjem kien ta’ spalla għaliha u persuna li setgħet issib il-faraġ fiha.

Fost l-aktar kliem sinifikanti, Maria Luana rringrazzjat lil missierha talli kien hu li nissel fiha l-imħabba lejn il-mużika, passjoni li llum tifforma parti importanti minn ħajjitha u l-karriera tagħha. “Inti kont ukoll il-persuna li għallmitni nħobb il-mużika, li daħħalt fija dik il-passjoni li llum saret parti daqshekk kbira minn ħajti. Mingħajrek, forsi ma kontx inkun il-persuna li jien illum.”

Hija tkellmet ukoll dwar il-ferħ li tħoss meta tara lil missierha fir-rwol ta’ nannu ta’ Ellie, Adam u Carly, u kemm tħossha xxurtjata li t-tfal għandhom persuna tant speċjali f’ħajjithom. Maria Luana kompliet billi fissret kemm hi kburija li hija bintu, mhux biss għal dak kollu li kiseb tul ħajtu, iżda fuq kollox għall-qalb kbira tiegħu u l-imħabba li dejjem wera lejn il-familja.

“Il-ħajja tagħtina ħafna rigali, imma wieħed mill-isbaħ rigali li tatni kien proprju lilek bħala missieri,” kitbet b’emozzjoni. Temmet il-messaġġ tagħha bi kliem li żgur imiss il-qalb ta’ kull missier. “Għax minkejja kemm nikber, f’għajnejk jien dejjem se nibqa’ t-tifla ċkejkna tiegħek, u int dejjem se tibqa’ l-ewwel eroj tiegħi.”

Awguri mill-qalb lil Ray f’għeluq sninu! Jalla jkollu ħafna aktar snin ta’ saħħa, ferħ u mħabba mdawwar bil-familja għażiża tiegħu.

Ritratt:

Facebook / Maria Luana

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI