Hekk kif qed noqorbu dejjem aktar lejn il-Junior Eurovision Song Contest 2026 li din is-sena se jsir f’Malta, ħarġet il-kanzunetta tematika tal-festival, bl-isem “RamDamDiriDam”, li fiha nisimgħu żewġ ilħna ferm magħrufa mal-Ewropa!
Il-kanzunetta li tinsab disponibbli fuq Spotify, tinkludi l-vuċijiet ta’ Destiny Chukunyere u Gaia Cauchi, ż-żewġ kantanti li taw lil Malta l-ewwel żewġ rebħiet fil-Junior Eurovision, fl-2015 u fl-2013 rispettivament.
Fost dawk li taw il-vuċi tagħhom bħala backing vocals insibu lil Gordon Bonello, Keane Cutajar u Eliza Borg. Alex Debono ħa ħsieb id-drums, filwaqt li Adrian Brincat daqq strument tar-ram.
Il-kompożizzjoni tal-kanzunetta hija f’idejn Aleandro Spiteri Monsigneur, Matteo Depares u Gordon Bonello, b’dan tal-aħħar jikkontribwixxi wkoll għall-lirika. Il-produzzjoni saret minn Aleandro Spiteri Monsigneur, Matteo Depares u Manolito Galea.
Il-Junior Eurovision Song Contest 2026 se jsir nhar is-Sibt 24 ta’ Ottubru fl-MFCC, Ta’ Qali, bil-parteċipazzjoni ta’ 16-il pajjiż. Destiny, Gaia Cauchi u Keane Cutajar se jkunu wkoll it-tliet preżentaturi tas-serata, filwaqt li Malta se tkun irrappreżentata minn Beppe bil-kanzunetta “Blue Bird”.
Eurovision Song Malta