Is-sensiela Maltija Ħbieb u Għedewwa kienet waħda mill-itwal sensiliet televiżivi ta’ kuljum li qatt intwerew fuq it-televiżjoni Maltija.
Kif irrakkonta l-attur lokali Henry Zammit Cordina f’post fuq il-midja soċjali, din is-soap opera, prodotta minn Michael Vella Haber u Evelyn Saliba La Rosa minn Rikordja, damet għaddejja għal sitt snin u laħqet l-1,000 episodju.
L-attur fakkar fil-memorji tiegħu minn din l-esperjenza, li fiha kellu l-opportunità jaħdem wieħed mill-karattri ewlenin, John Cassar.
Henry żvela wkoll li f’episodju partikolari, fil-finali tat-tieni staġun, il-karattru ta' John spiċċa l-isptar wara sparatura, iżda rnexxielu joħroġ minnha ħaj. Dan l-episodju fil-fatt intwera f'Ġunju li għadda fix-xandir ta' tmiem it-tieni staġun fuq ONE, u bħalissa qed tkompli l-istorja wara dak li ġara.
Bħala tifkira ta’ din l-esperjenza, l-attur żamm il-flokk li kien libes waqt is-sensiela. Huwa qasam ukoll ritratt ta’ xena mill-ġbid flimkien ma’ kopji tal-iskripts li kien studja, fejn kienu mniżżla x-xeni li kellu jinterpreta.
Il-memorji tiegħu jfakkruna fix-xogħol, it-tħejjija u l-impenn li jinħtieġu biex tinħadem produzzjoni televiżiva ta’ dan it-tip.
Facebook/ Henry Zammit Cordina