“Eċċitata Li Għandi L-Ewwel Programm LIVE Tiegħi Fuq Tokis!” – Geordie Schembri Bi Sfida Ġdida Fuq It-Televiżjoni

Geordie Schembri ilha parti mid-dinja tat-televiżjoni Maltija minn meta kienet għadha tifla, iżda issa qed tidħol f’kapitlu ġdid fil-karriera tagħha hekk kif qed tippreżenta Ħu Brejk, programm LIVE li qed jixxandar mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-15:30 u l-17:30 fuq Tokis. F'intervista ma’ Gwida.mt, Geordie żvelat li l-ewwel esperjenza tagħha fuq it-televiżjoni tmur lura għal meta kellha biss tliet snin.

“Ilni fuq it-televiżjoni minn mindu kelli tliet snin, jiġifieri 20 sena, meta kont fuq Dejjem Tiegħek Becky. Imbagħad minn hemmhekk komplejt b’ħafna affarijiet oħra bħal Anġli: Il-Kapitlu l-Ġdid, Ċaqqufa u Strada Rjali,” spjegat. Tul is-snin kellha wkoll diversi esperjenzi fil-preżentazzjoni, fosthom ma’ Moira Delia fejn kellha parti f’Animal Diaries u ma’ Ray Abela f’Click. Madankollu, Ħu Brejk qed jagħtiha sfida differenti, dik li tmexxi programm LIVE waħedha.

“Meta kont żgħira kont nippreżenta, però qatt m’għamilt LIVE waħdi. Kont nippreżenta biċċa Animal Diaries ma’ Moira Delia u Click ma’ Ray Abela, fost oħrajn. Inħoss li kollha għenuni biex maż-żmien inkun lesta għal proġett bħal Ħu Brejk.” Geordie ma taħbix l-entużjażmu tagħha għal din l-opportunità ġdida. “Ovvjament ninsab kuntenta immens li għandi din l-opportunità u eċitata biex nagħti gost lit-telespettaturi kuljum, għax fl-aħħar mill-aħħar dak huwa l-punt ta’ dan il-programm: li nwasslu l-ferħ lil dawk li qed jarawna mid-dar.”

Jidher li proprju l-gost u l-enerġija se jkunu fil-qalba ta’ Ħu Brejk. Geordie tgħid li t-telespettaturi jistgħu jistennew programm varjat, b’logħob, tisjir, xogħol bl-idejn u għadd ta’ karattri li se jagħtu l-ħajja lill-programm. “Programm mimli daħk, ċajt u pjaċir!” tgħid Geordie. Parti importanti mill-programm huma wkoll l-anzjani li qed jingħaqdu magħha. Geordie tiddeskrivihom bħala wieħed mill-elementi li qed jagħmlu din l-esperjenza aktar speċjali għaliha.

“L-anzjani m’hawnx bħalhom! Għandna anzjani fuq ruħhom u mqarbin ukoll! Imqarbin b’mod ħelu naturalment,” tgħid bi tbissima. “Jagħmluli din l-esperjenza iktar u iktar sabiħa.” Għal dawk li għadhom ma segwewx il-programm, Geordie għandha stedina ċara, “Inħeġġiġkom biex tarawna fuq Tokis kuljum bejn it-15:30 u l-17:30. Ħudu brejk magħna u tidħku daħka żgur!”

Ħu Brejk qed jiftaħ blokka sħiħa ta’ ħames programmi li tixxandar wara nofsinhar mit-Tnejn sal-Ġimgħa fuq Tokis, b’xandir li jibda proprju fit-15:30. It-telespettaturi jistgħu jsegwu Tokis permezz ta’ GO TV, u bħalissa hemm offerta għal żmien limitat li permezz tagħha wieħed jista’ jgawdi tliet xhur ta’ GO TV b’xejn. Lanqas hemm bżonn li tkun diġà klijent ta’ GO biex tara Tokis: wieħed jista’ jabbona, jirċievi d-dettalji biex jidħol fil-kont u jniżżel l-app ta’ GO TV.

Tokis qed joffri wkoll produzzjonijiet filgħaxija li bdew jixxandru f’Settembru, fosthom Il-Ħajjata C&R kull nhar ta’ Tnejn fid-21:00 u t-tieni staġun ta’ Il-Kliem Moħbi kull nhar ta’ Ħamis fid-21:00. Ma’ dan kollu hemm ukoll il-librerija ta’ Tokis, fejn it-telespettaturi jistgħu jsibu produzzjonijiet esklussivi u programmi popolari oħra biex jarawhom on demand.

Għal Geordie, iżda, dan il-kapitlu ġdid ifisser pass ieħor fi vjaġġ televiżiv li beda meta kellha biss tliet snin. Għoxrin sena wara, qed tieħu postha quddiem il-kameras f’format ġdid għaliha, din id-darba LIVE u b’Ħu Brejk f’idejha.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI