Fil-Qrendi għaddejjin ix-xogħlijiet fuq proġett ġdid ta’ akkomodazzjoni soċjali li se jwassal għall-bini ta’ 28 appartament ġdid u 14-il spazju għall-parkeġġ. Dan il-proġett, b’investiment ta’ madwar €7.6 miljun, għandu l-għan li joffri aktar opportunitajiet lil familji li jeħtieġu akkomodazzjoni sigura u stabbli. Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici żar is-sit sabiex jara mill-qrib il-progress li qed isir fuq dan il-proġett, li jifforma parti mill-ħidma biex tkompli tissaħħaħ l-akkomodazzjoni soċjali f’Malta.

L-appartamenti se jkunu ta’ daqsijiet differenti, b’għażliet ta’ kamra tas-sodda waħda, tnejn jew tlieta, sabiex jilqgħu għall-ħtiġijiet ta’ familji b’ċirkostanzi differenti. Waqt iż-żjara tiegħu, il-Ministru Bonnici saħaq fuq l-importanza li aktar persuni jingħataw l-opportunità li jgħixu b’dinjità u b’serħan il-moħħ.

"L-akkomodazzjoni soċjali hija dwar in-nies u l-familji tagħhom. Hija dwar li nagħtu ċ-ċans lil aktar persuni jkollhom post tagħhom fejn jgħixu b’dinjità, b’serħan il-moħħ u b’aktar ċertezza għal għada," sostna l-Ministru. Huwa żied li proġetti bħal dan jistgħu jagħmlu differenza konkreta fil-ħajja tal-familji, filwaqt li jkomplu jwieġbu għall-ħtiġijiet tal-komunità.
Għal din iż-żjara attendew ukoll is-Segretarju Permanenti Ramon Deguara, il-Kap Eżekuttiv tal-Malita Marlene Attard, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa u s-Sindku tal-Qrendi David Schembri, flimkien ma’ membri tal-Kunsill Lokali.