Residenza Ġdida F’Birkirkara Se Toffri Appoġġ Lil Żgħażagħ Bi Sfidi Ta’ Saħħa Mentali

Żgħażagħ ta’ bejn it-13 u s-17-il sena li għaddejjin minn sfidi ta’ saħħa mentali se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn residenza ġdida f’Birkirkara, li se toffrilhom ambjent sigur u l-appoġġ meħtieġ. Dan se jkun possibbli permezz ta’ ftehim bejn l-Awtorità tad-Djar, is-Servizzi Nazzjonali tas-Saħħa Mentali u l-Fondazzjoni Richmond.

Ir-residenza, li hija maisonette bi tliet kmamar tas-sodda, se tilqa’ sa erba’ adolexxenti li jkunu temmew kura psikjatrika speċjalizzata u jkollhom bżonn aktar appoġġ qabel jirritornaw għall-ħajja fil-komunità. Din se tkun l-ewwel residenza tat-tip tagħha għall-Fondazzjoni Richmond għal din il-faxxa ta’ età, b’ħaddiema disponibbli 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa.

L-għan huwa li dawn iż-żgħażagħ jingħataw l-għajnuna biex ikomplu bl-edukazzjoni tagħhom, jiżviluppaw aktar indipendenza u jħejju ruħhom għall-ħajja adulta. Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Ian Borg spjega li dan huwa pass importanti biex tissaħħaħ il-kura tas-saħħa mentali fil-komunità, filwaqt li l-Ministru għall-Akkomodazzjoni Owen Bonnici saħaq fuq l-importanza li dawn iż-żgħażagħ jingħataw ambjent stabbli u sigur.

L-Awtorità tad-Djar se tissussidja 80% tal-ispiża tal-kirja, filwaqt li s-Servizzi Nazzjonali tas-Saħħa Mentali se jiffinanzjaw it-tlestija tal-proprjetà u t-tħaddim tas-servizz, inkluż l-appoġġ mogħti mill-Fondazzjoni Richmond.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI