Aktar Minn 25,000 Persuna F’Malta U Għawdex Irċevew Għajnuna Mill-FSWS Matul L-2025

Il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) għenet aktar minn 25,000 persuna matul l-2025, l-ogħla numru ta’ persuni li qatt ibbenefikaw mis-servizzi tagħha f’sena waħda. Skont ir-Rapport Annwali tal-Fondazzjoni, matul is-sena li għaddiet ġew trattati 27,324 każ li kienu jinvolvu 25,856 persuna. Dan ifisser żieda ta’ 5.2% fil-każijiet meta mqabbel mal-2024.

Aġenzija Appoġġ ħadmet fuq 11,216-il każ, filwaqt li d-Direttorat għall-Ħarsien tat-Tfal tratta 4,820 każ. Ir-rapport juri wkoll żieda fit-talbiet għall-għajnuna marbuta mal-vjolenza domestika. Matul l-2025, is-servizzi relatati mal-vjolenza domestika rċevew 1,903 talbiet għall-għajnuna, żieda ta’ 73% meta mqabbel mal-2021.

Is-solitudni baqgħet l-aktar raġuni komuni għaliex persuni ċemplu fuq Supportline 179, għall-ħames sena konsekuttiva. Fil-fatt, 31% tat-telefonati ġenwini kienu relatati ma’ din il-problema. Matul is-sena, il-Fondazzjoni kompliet issaħħaħ diversi servizzi, fosthom dawk għall-vittmi tal-vjolenza domestika, persuni milquta mit-traffikar tal-bnedmin u żgħażagħ vulnerabbli li kellhom kuntatt mal-ġustizzja.

Il-Fondazzjoni kellha 1,021 impjegat fi tmiem l-2025 u kompliet tinvesti fit-taħriġ tagħhom. Studju ekonomiku li analizza l-ħidma tal-FSWS bejn l-2013 u l-2025 wera li għal kull ewro investit fil-Fondazzjoni, is-soċjetà u l-ekonomija Maltija bbenefikaw minn valur stmat ta’ €4.59.

Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti, saħaq li minkejja l-importanza taċ-ċifri, l-akbar suċċess tal-Fondazzjoni jibqa’ l-impatt pożittiv li s-servizzi tagħha jħallu fil-ħajja tal-persuni u l-familji li jkollhom bżonn l-għajnuna.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI