“L-Imħabba, Il-Valuri U L-Preżenza Tiegħu Se Jibqgħu Għal Dejjem Parti Minn Dak Li Aħna Llum” – Pawlu Borg Bonaci Iħabbar Il-Mewt Tal-Għażiż Missieru Carmelo

B’diqa kbira, Pawlu Borg Bonaci ħabbar il-mewt tal-għażiż missieru, Carmelo Borg Bonaci, permezz ta’ messaġġ emozzjonanti fuq il-midja soċjali f’isem il-familja kollha. Fil-messaġġ tiegħu, Pawlu sellem il-memorja ta’ missieru u esprima l-imħabba kbira li hu u l-familja tiegħu dejjem se jibqgħu jġorru lejh.

Pawlu ddeskriva lil missieru bħala raġel li kien ifisser ħafna għalihom, u li l-imħabba, il-valuri u l-preżenza tiegħu se jibqgħu parti minn ħajjithom għal dejjem.

Huwa spjega li l-kliem mhux biżżejjed biex jiddeskrivi l-vojt li ħalla warajh, iżda li hu u l-familja tiegħu se jibqgħu jgħożżu l-memorji sbieħ, it-tagħlim u l-imħabba li tahom tul ħajtu. F’dan il-mument diffiċli, Pawlu talab ukoll biex kulħadd iżomm lill-għażiża ommu fit-talb tiegħu, sabiex issib is-saħħa, il-kuraġġ u l-faraġ meħtieġa biex tiffaċċja l-jiem li ġejjin, imdawra bl-imħabba tal-familja u ta’ dawk kollha li jgħożżuha.

Il-funeral ta’ Carmelo Borg Bonaci se jsir nhar il-Ħamis 22 ta’ Ottubru, fl-10:00 ta’ filgħodu, fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Gejtanu, il-Ħamrun. Minflok fjuri, il-familja qed titlob li jingħataw donazzjonijiet lil Hospice Malta jew lill-Malta Community Chest Fund Foundation, b’tifkira tiegħu.

F’isem il-familja, Pawlu rringrazzja wkoll lil dawk kollha li qed joffrulhom l-appoġġ, it-talb u l-imħabba tagħhom, filwaqt li esprima gratitudni speċjali lejn it-tobba u l-infermiera tal-ward mediku ta’ Mater Dei u tas-sala tal-kura palljattiva ta’ SAMOC għall-kura, it-tjubija u l-imħabba li wrew ma’ missieru.

Il-kondoljanzi sinċiera tagħna lil Pawlu u lill-familja Borg Bonaci kollha f’dan il-mument ta’ niket. Strieħ fis-sliem, Carmelo.

Ritratt:

Facebook / Pawlu Borg Bonaci

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI