WasteServ Tiffirma L-Ewwel Ftehim Kollettiv Għall-Professjonisti Tagħha

Pass importanti għall-ħaddiema professjonali ta’ WasteServ hekk kif il-kumpanija ffirmat l-ewwel ftehim kollettiv mal-Unjin Professjonisti WasteServ (UPW), bil-għan li jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u jissaħħu l-opportunitajiet għall-iżvilupp professjonali.

Il-ftehim ġie ffirmat mill-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ, Richard Bilocca, u mill-President tal-Unjin, Desislava Muscat, fil-preżenza tas-Segretarju Permanenti Dr Joyce Cassar u rappreżentanti mid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali.

Dan il-ftehim ikopri diversi aspetti importanti għall-professjonisti tal-kumpanija, fosthom is-salarji, il-gradi, iż-żidiet annwali, l-allowances u l-arranġamenti tax-xogħol. Jinkludi wkoll miżuri favur il-familja, opportunitajiet ta’ taħriġ u aktar possibilitajiet għall-iżvilupp tal-karriera. Il-Kap Eżekuttiv Richard Bilocca saħaq fuq l-importanza tal-ħaddiema fis-suċċess tal-kumpanija.

"WasteServ, u l-prestazzjoni tagħha, jiġu definiti mill-ħaddiema tagħha. Dan il-ftehim kollettiv isaħħaħ il-kundizzjonijiet offruti lill-professjonisti tagħna, u jipprovdi qafas ċar li permezz tiegħu nistgħu nkomplu niżviluppaw," sostna Bilocca.

Huwa żied jgħid li dan il-pass jirrifletti l-impenn tal-kumpanija li tkompli tattira professjonisti ta’ livell għoli, filwaqt li tappoġġja lill-impjegati tagħha biex ikunu jistgħu jwettqu ħidmithom bl-aħjar mod possibbli. Permezz ta’ dan il-ftehim, WasteServ qed tkompli tinvesti fir-riżorsi umani tagħha, li għandhom rwol importanti biex Malta tilħaq l-għanijiet tagħha fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart.

Dan huwa pass ieħor lejn ambjent tax-xogħol li jagħti aktar importanza lill-iżvilupp professjonali, il-koperazzjoni u l-benesseri tal-ħaddiema.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI