Il-Forzi Armati ta’ Malta, b’kollaborazzjoni mal-Foundation for Social Welfare Services (FSWS), organizzaw ċerimonja ta' preżentazzjoni taċ-ċertifikati fil-Maritime Squadron, Hay Wharf, sabiex jiġu rrikonoxxuti ż-żgħażagħ li temmew programm imfassal apposta għalihom, li tahom l-opportunità jiżviluppaw ħiliet importanti għall-ħajja, id-dixxiplina u l-kunfidenza fihom infushom, kif ukoll jiksbu apprezzament akbar tal-opportunitajiet u l-isfidi marbuta mas-servizz militari.
Għaċ-ċerimonja attendew l-Onor. Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Glenn Bedingfield, l-Onor. Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja, Michael Falzon, il-Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta, il-Brigadier Clinton J. O’Neill, u s-Sur Alfred Grixti, Kap Eżekuttiv tal-Foundation for Social Welfare Services .
Mis-sena 2023 ’l hawn, il-Forzi Armati ta’ Malta u l-Foundation for Social Welfare Services ikkollaboraw fuq inizjattivi mmirati lejn iż-żgħażagħ, li tiġi offruta opportunità li esperjenza militari permezz ta’ attivitajiet prattiċi u żjarat ta’ tagħrif f’diversi Reġimenti tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Matul dan il-programm, il-parteċipanti ħadu sehem f’eżerċizzji ta’ ħidma f’tim, sfidi prattiċi, workshops militari u attivitajiet oħra mfassla biex jiżviluppaw il-ħidma f’tim, id-dixxiplina, ir-rispett, is-sens ta’ responsabbiltà, il-komunikazzjoni u l-kunfidenza fihom infushom.
Il-Forzi Armati ta’ Malta tawgura lill-parteċipanti kollha għal dan is-suċċess u tesprimi l-apprezzament tagħha lejn il-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, ir-rappreżentanti tal-Foundation for Social Welfare Services u l-ħaddiema maż-żgħażagħ li, permezz tad-dedikazzjoni u l-kollaborazzjoni tagħhom, ikkontribwew għas-suċċess ta’ din l-inizjattiva.