Persważ li bosta jiftakru meta Moviment Graffiti marru fil-pjazza tal-Mosta u rnexxielhom iwaqqfu t-tqaċċit ta’ bosta siġar. Illum il-ġurnata, tliet snin wara, dawn għadhom hemm, isebbħu l-pjazza kif għandu jkun. Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom, Moviment Graffiti tkellmu dwar dan.
Qalu, “Bħal-lum, tliet snin ilu, konna fil-pjazza tal-Mosta sabiex inwaqqfu t-tqaċċit ta' 13-il siġra tal-fikus li kienu ilhom hemm għal għexieren twal ta' snin. Kien hemm min qalilna li kollox kien għalxejn. Kien hemm oħrajn li qalulna li s-siġar xorta waħda kienu se jmutu. Iżda, minkejja kollox – inkluż tentattiv biex jiġu vvelenati fix-xhur ta' wara l-azzjoni tagħna – is-siġar għadhom kollha hemm, u baqgħu jikbru, jisbieħu u jsebbħu.”
Żiedu, “Tajjeb niftakru li kien bis-saħħa tal-komunità Mostija, u tal-appoġġ ta' tant nies oħra, li ġew salvati dawn is-siġar u l-memorja kollettiva tagħna tal-pjazza. Nawguraw li s-siġar tal-fikus tal-Mosta jkomplu jservu ta' eżempju u ta' ispirazzjoni għall-komunitajiet kollha li bħalissa qed jiġġieldu sabiex isalvaw il-bliet u l-irħula tagħhom mir-regħba. L-imħabba tagħna lejn artna tista' tagħmel id-differenza. Il-ġlieda tkompli.”