Il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, kisbet rikonoxximent prestiġjuż wara li ntgħażlet bħala l-aqwa personalità politika tas-sena fil-klassifika Top 100 – Top of the Table 2026, organizzata mill-pubblikazzjoni Ewropea Table Europe. Metsola, li tirrappreżenta lil Malta u Għawdex fil-Parlament Ewropew, kisbet l-ewwel post fil-kategorija tal-Politika wara proċess li kien jinkludi nominazzjonijiet mill-qarrejja u għażla mill-bord editorjali tal-pubblikazzjoni.
Din il-klassifika tirrikonoxxi l-aktar personalitajiet influwenti fil-politika u fl-amministrazzjoni pubblika Ewropea. Fost il-personalitajiet li dehru fl-ewwel għaxar postijiet kien hemm ukoll il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, Péter Magyar mill-Ungerija u l-President tal-Finlandja Alex Stubb.

Il-pubblikazzjoni faħħret it-tmexxija strateġika ta’ Metsola, kif ukoll ir-rispett li rnexxielha tikseb fost il-gruppi politiċi differenti fi ħdan il-Parlament Ewropew. Skont Table Europe, Metsola kellha rwol importanti biex issaħħaħ il-vuċi tal-Parlament Ewropew fir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni Ewropea.
Ġew innutati wkoll diversi riformi li mexxiet matul il-presidenza tagħha, fosthom inizjattivi biex tissaħħaħ l-integrità tal-istituzzjoni u biex il-Membri Parlamentari Ewropej li jkunu fuq leave tal-ġenituri jkunu jistgħu jiddelegaw il-vot tagħhom. Il-pubblikazzjoni semmiet ukoll il-possibbiltà li Metsola tikseb it-tielet mandat konsekuttiv bħala President tal-Parlament Ewropew f’Jannar li ġej. Jekk dan iseħħ, tkun kisba bla preċedent fl-istorja tal-istituzzjoni.
Table Europe hija pubblikazzjoni Ġermaniża li tispeċjalizza fl-aħbarijiet u l-analiżi dwar il-politika Ewropea u d-deċiżjonijiet li jittieħdu fi Brussell, u tagħmel parti mill-grupp editorjali Table.Media.
Facebook / Roberta Metsola