Wara Seba’ Snin Jgħix Ma’ Familja Cookie Spiċċa Lura F’Xelter Minħabba T-Twelid Ta’ Tarbija

Animal Welfare qasmu storja ta’ qsim il-qalb dwar il-qattus Cookie, li wara seba’ snin jgħix mal-istess familja spiċċa lura fix-xelter fejn kien ġie adottat meta kien għadu ferħ. Cookie kien ġie adottat minn familja li dak iż-żmien kellha tifel żgħir. Madankollu, ġimgħa ilu, dawk li jieħdu ħsiebu fix-xelter irċevew messaġġ mingħand il-familja fejn infurmawhom li xtaqu jirritornawh wara li kellhom it-tieni tarbija.

Skont dak li spjegaw Animal Welfare, il-problema kienet li t-tarbija kienet taqbad lil Cookie minn denbu, xi ħaġa li naturalment ma kinitx togħġbu. Fil-kitba tagħhom, ikkritikaw id-deċiżjoni tal-familja li ċċedi lill-qattus minflok tgħallem lit-tfal kif għandhom iġibu ruħhom mal-annimali u jirrispettaw l-ispazju tagħhom.

Bħalissa, Cookie qed jinżamm fl-uffiċċju sakemm jikseb biżżejjed kunfidenza biex ikun jista’ jingħaqad mal-qtates l-oħra. Madankollu, ix-xewqa ewlenija ta’ Animal Welfare hija li jsib familja ġdida li toffrilu l-imħabba, l-paċenzja u l-attenzjoni li tant għandu bżonn.

Kull min jixtieq jagħti lil Cookie ċans ieħor u dar mimlija mħabba jista’ jagħmel kuntatt ma’ Animal Welfare biex jiltaqa’ miegħu.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI