Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom, Parroċċa ħad-Dingli sellmu l-memorja ta’ Mons. Paul Raggio kif ukoll ħabbru d-dettalji tal-funeral tiegħu.
Qalu, “Il-parroċċa ta’ Ħad-Dingli ssellem il-memorja ta’ Mons. Paul Raggio li l-bieraħ għadda għall-ħajja ta’ dejjem. Hu miet fl-età ta’ 85 sena.
Il-parroċċa tagħna tibqa’ tgħożż b’sens kbir ta’ gratitudni s-servizz pastorali li Mons. Raggio, jew kif konna nafuh ilkoll “Dun Pawl”, ta fil-parroċċa tagħna fis-snin bejn l-1996 u l-2000. F’dak iż-żmien hu kien Direttur Spiritwali fis-Seminarju Minuri u membru tal-kleru tal-parroċċa tagħna. Nibqgħu niftakruh bħala saċerdot tan-nies, ġentlom, umli u b’qalb kbira li mpenja ruħu bis-sħiħ f’ħidmiet pastorali varji fil-parroċċa tagħna. Wara ġie assenjat ħidmiet oħra fil-Knisja f’Malta, hu baqa’ jinteressa ruħu fil-parroċċa tagħna u fir-residenti ta' Ħad-Dingli li tant kien jirrispetta.
L-aħħar tislima lil Dun Pawl se tingħata nhar is-Sibt li ġej, b’quddiesa praesente cadavere fl-10.30am fil-Knisja Kolleġġjata ta’ San Lawrenz, il-Birgu. Il-parroċċa tibgħat il-kondoljanzi lil ħutu u lill-membri tal-familja tiegħu. Agħtih, o Mulej, il-mistrieħ ta' dejjem.”