Bil-kanzunetta Fjura, Kaya se tkun qed twassal il-lingwa Maltija fuq palk internazzjonali fost parteċipanti minn 18-il pajjiż differenti.
Il-kompetizzjoni internazzjonali Our Generation 2026 qed issir f’Tashkent, il-kapitali tal-Użbekistan, bejn il-15 u l-20 ta’ Novembru. Din il-kompetizzjoni, li din is-sena qed tiċċelebra t-tielet edizzjoni tagħha, tlaqqa’ flimkien kantanti żgħażagħ ta’ bejn id-9 u s-16-il sena minn madwar id-dinja, li jkollhom l-opportunità jippreżentaw kanzunetti oriġinali.

L-għan ewlieni tagħha huwa li tippromwovi t-talent żagħżugħ, filwaqt li tħeġġeġ l-iskambju kulturali u l-ħbiberija bejn parteċipanti minn pajjiżi differenti. Il-finali mistennija ssir għada, l-20 ta’ Novembru, fir-Renessans Hall.
Din is-sena, Malta se tkun irrappreżentata minn Kaya Gouder Curmi bil-kanzunetta FJURA, kompożizzjoni li nkitbet minn Sarah Bonnici, Muxu, Edward Abela u Kaya stess. B’kollox qed jikkompetu 18-il pajjiż, u r-rappreżentanta Maltija se tkun qed tkanta fl-14-il pożizzjoni.
Id-delegazzjoni Maltija hija mmexxija minn Antonella Vassallo, filwaqt li Kaya tinsab akkumpanjata minn ommha, Yanika Curmi. Għall-ewwel jiem ta’ din l-esperjenza, magħhom ingħaqdet ukoll il-kantanta Sarah Bonnici, li minbarra li hija waħda mill-awturi tal-kanzunetta, hija wkoll il-kowċ vokali ta’ Kaya. Sarah kienet hemm sabiex tgħinha fit-tħejjijiet tagħha għal din l-esperjenza importanti.
Aspett interessanti huwa li d-delegazzjoni Maltija għażlet li tippreżenta kanzunetta kompletament bil-Malti, sabiex fuq dan il-palk internazzjonali tispikka mhux biss il-vuċi ta’ Kaya, iżda wkoll il-lingwa u l-identità Maltija. Fil-fatt, diversi pajjiżi oħra għażlu wkoll li jippreżentaw kanzunetti bil-lingwa tagħhom, u b’hekk din il-kompetizzjoni qed isservi bħala ċelebrazzjoni tal-kulturi u t-tradizzjonijiet differenti li jagħmlu lil kull pajjiż uniku.
Nawguraw lil Kaya u lid-delegazzjoni Maltija kull suċċess f’din l-esperjenza mill-isbaħ! Żgur li se tkun qed tagħmilna kburin! Wieħed jista' jivvota għal Kaya billi jidħol fis-sit uffiċjali ta' dan il-konkors, billi jagħfas HAWN.