Il-band GENN għandha għalfejn tiċċelebra hekk kif is-silta tagħhom Jaguar Sun kisbet suċċess importanti fil-klassifiċi mużikali fir-Renju Unit!
Permezz ta’ kitba fuq il-mezzi soċjali, il-membri tal-band ħabbru li d-diska tagħhom fuq vinyl ta’ 12-il pulzier daħlet fid-19-il post tal-Official Physical Singles Chart u fit-12-il post tal-Official Vinyl Singles Chart. Aħbar li ħalliet lill-membri tal-band emozzjonati, hekk kif dan ir-riżultat jirrappreżenta snin ta’ ħidma, dedikazzjoni u passjoni kbira lejn il-mużika.
GENN irringrazzjaw lill-komunità ta’ segwaċi tagħhom, magħrufa bħala l-Misfit Community, li dejjem kienet hemm biex tappoġġjahom tul il-vjaġġ mużikali tagħhom. Il-band esprimiet ukoll il-gratitudni tagħha lejn Aidan Moffat tal-band Arab Strap, li kkollabora magħhom f’din is-silta, kif ukoll lejn il-management tagħhom, Rock Action Records u l-band Mogwai, li emmnu fit-talent tagħhom u tawhom din l-opportunità.
Minkejja l-isfidi li ġġib magħha l-industrija mużikali, GENN sostnew li jinsabu grati lejn dawk kollha li komplew jemmnu fihom. Dan is-suċċess huwa pass ieħor importanti fil-karriera internazzjonali tal-band Maltija, li qed tkompli tagħmel isem lilha nnifisha lil hinn minn xtutna.
Prosit tassew lil GENN! Nawgurawlhom aktar suċċessi fil-karriera tagħhom!