Aktar Minn 8,000 Vettura Jitwaqqfu Mill-Pulizija Matul Ottubru – Jinħarġu 575 Taħrika!

Matul ix-xahar ta’ Ottubru, il-Pulizija wettqet madwar 380 kontroll tat-traffiku madwar Malta u Għawdex, bħala parti mill-ħidma kontinwa biex tissaħħaħ is-sigurtà fit-toroq. Waqt dawn il-kontrolli twaqqfu b’kollox 8,135 vettura, filwaqt li nħarġu 575 taħrika u 55 akkuża.

Saru wkoll 26 test fuq sewwieqa suspettati li kienu qed isuqu taħt l-effett tal-alkoħol jew tad-droga. Minn dawn, erba’ persuni rriżultaw pożittivi għall-alkoħol, filwaqt li persuna oħra rriżultat pożittiva għad-droga. Dawn il-kontrolli twettqu minn diversi sezzjonijiet tal-Korp tal-Pulizija, kemm matul il-ġurnata kif ukoll billejl, bil-għan li jitnaqqas il-periklu fit-toroq.

Il-Pulizija reġgħet appellat lis-sewwieqa biex josservaw ir-regolamenti tat-traffiku u jsuqu b’mod responsabbli. Dan l-appell sar ukoll fid-dawl tal-Jum Dinji għall-Vittmi ta’ Inċidenti tat-Traffiku, li ġie mfakkar fil-jiem li għaddew. Din il-ġurnata tfakkar lil dawk li tilfu ħajjithom jew sofrew ġrieħi serji f’inċidenti tat-traffiku, filwaqt li tqajjem kuxjenza dwar l-importanza tal-prevenzjoni.

Il-messaġġ jibqa’ wieħed ċar, kull ħajja tgħodd u b’aktar responsabbiltà fit-toroq jistgħu jiġu evitati ħafna inċidenti.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI