Ilbieraħ filgħaxija, il-Belt Valletta libset il-libsa tal-Milied hekk kif inxtegħlu uffiċjalment is-siġra tal-Milied u d-dwal li jżejnu Triq ir-Repubblika. Bosta nies inġabru fil-kapitali sabiex ikunu parti minn din l-okkażjoni li tat bidu għall-atmosfera tal-festi fil-Belt.
Fuq il-midja soċjali, Jason Micallef esprima s-sodisfazzjon tiegħu għas-suċċess ta’ din is-serata, li ddeskriviha bħala waħda fenomenali. "Is-suċċess tal-lejla tal-mixegħla tas-siġra u d-dawl tal-Milied fil-Belt Valletta qabeż kull aspettattiva. Dan jawgura tajjeb għal suċċess akbar matul ix-xahar kollu tal-Milied fil-kapitali," kiteb Micallef.
Huwa rringrazzja wkoll lill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, li għandu l-privileġġ li jmexxi, għall-ħidma tagħha. Issa li l-kapitali xegħlet bid-dwal tal-Milied, wieħed jistenna li matul il-ġimgħat li ġejjin bosta familji jżuru l-Belt Valletta sabiex igawdu l-atmosfera maġika li jġib miegħu dan iż-żmien tas-sena.
Facebook / Valletta Cultural Agency