L-Aġent President ta’ Malta, Helena Dalli, qajmet mistoqsijiet importanti dwar il-privatezza u d-dinjità tal-vittmi wara li fl-aħħar jiem bdew jiġu rrappurtati pubblikament dettalji intimi marbuta mal-każ tal-qtil ta’ Miriam Azzopardi. F’kitba fuq il-midja soċjali, Dalli staqsiet, “Min jipproteġi d-dinjità tal-vittma meta hi m’għadhiex hawn biex tagħti l-verżjoni tagħha?”
Hija saħqet li għandha ssir distinzjoni bejn l-informazzjoni li tkun meħtieġa fil-proċess ġudizzjarju u dak li effettivament jeħtieġ ikun jaf il-pubbliku. Dalli rreferiet għad-dettalji intimi li qed jiġu rrappurtati dwar l-aħħar sigħat ta’ ħajjet Miriam, fosthom allegazzjonijiet li saru mill-persuna akkużata bil-qtil tagħha. Fakkret li Miriam illum ma tistax twieġeb għal dak li qed jingħad jew tagħti l-verżjoni tagħha tal-fatti.
“Imma warajha hemm uliedha, ommha u ħutha, li jridu jgħixu mhux biss bit-telfa tagħha, iżda issa wkoll b’dak kollu li qed jingħad pubblikament dwarha,” kitbet Dalli. Filwaqt li rrikonoxxiet li l-ġustizzja teħtieġ li toħroġ il-verità kollha, hija argumentat li dan ma jfissirx neċessarjament li kull dettall għandu jasal għand il-pubbliku.
“Il-ġustizzja teħtieġ il-verità kollha. Il-pubbliku mhux bilfors jeħtieġ kull dettall,” temmet tgħid, filwaqt li insistiet fuq prinċipju wieħed ċar: “Anke min miet għandu dritt għad-dinjità.”
Facebook / Helena Dalli