Sid Ta’ Ristorant Lokali Li Xi Snin Ilu Tilef Lil Ibnu Ta’ Ftit Xhur Jagħti L-Ikel Lil Persuni Fil-Bżonn

Bħal daż-żmien ħames snin ilu, Antoine Magri u martu Solange tilfu lil binhom Juan minħabba l-kanċer, meta dan kien għadu tarbija ta' ftit xhur. Matul dawn l-aħħar snin, il-koppja għarfet tuża n-niket u t-tbatija li għaddiet minnhom sabiex jagħmlu l-ġid u jkunu hemm għal dawk ta' madwarhom.

Il-Fondazzjoni Puttinu Cares għadha kif ħabbret li f'għeluq il-ħames sena mill-mewt t'ibnu, Antoine b'sens kbir ta' ġenerożità, għadu kif ipprovda l-ikel lil diversi persuni li bħalissa għaddejjin minn żmien diffiċli.

"Juan jibqa' mfakkar b'imħabba, u llum, permezz tal-qalb kbira ta' missieru, dik l-imħabba qed tkompli tasal għand ħaddieħor," irrimarkat l-għaqda fuq il-midja soċjali.

Min-naħa tiegħu, fis-sigħat li għaddew, Antoine stqarr fuq il-midja soċjali li kien mingħalih li ż-żmien ser itaffi l-uġigħ li kien beda jħoss hekk kif tilef lil ibnu. Illum li għaddew ħames snin minn dan il-mument tant sfortunat, il-missier jirrikonoxxi li kien żbaljat.

"Għadni nipprova nifhem x'inhi r-raġuni li ħajtek kellha tintemm daqshekk malajr u ma tgħaddix ġurnata li ma nqumx filgħodu u nittama li din kienet biss ħolma kerha u li ser ngħaddi minn quddiem kamartek u nsibek rieqed hemm," kiteb il-missier iddispjaċut.

Ritratti:

Facebook / Puttinu Cares u Antoine Magri

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI