“Att Ta’ Vandaliżmu U Serq Mill-Knisja… Nappellaw Lir-Residenti U Lill-Parruċċani Sabiex Jibqgħu Attenti U Jirrappurtaw Kull Attività Suspettuża” – Parroċċa Santa Katarina Iż-Żejtun

Serq

Il-komunità taż-Żejtun tinsab imħassba wara li fil-jiem li għaddew sar att ta’ serq fil-knisja parrokkjali, li wassal għal ħsara fis-sistema ta’ protezzjoni kontra s-sajjetti. Każ li qed jitqies bħala wieħed serju, fosthom minħabba l-ispejjeż li se jinvolvi.

Fi stqarrija li ġiet ippubblikata mill-paġna tal-Parroċċa Santa Katarina Iż-Żejtun, intqal li ġew misruqa partijiet mis-sistema tar-ram li tifforma parti mis-sistema tal-kalamita għall-protezzjoni kontra s-sajjetti. Il-parroċċa spjegat li dan l-att se jġib miegħu piż finanzjarju addizzjonali sabiex ix-xogħlijiet meħtieġa jerġgħu jsiru u s-sistema tiġi restawrata kif suppost.

L-istess stqarrija kkundannat bis-sħiħ dak li ġie deskritt bħala att irresponsabbli li mhux biss għamel ħsara lill-proprjetà tal-parroċċa, iżda wera wkoll nuqqas ta’ rispett lejn dar ta’ qima li tappartjeni lill-komunità kollha.

Ġie kkonfermat ukoll li l-każ ġie rrappurtat lill-awtoritajiet kompetenti sabiex isiru l-investigazzjonijiet meħtieġa.

Il-parroċċa appellat lir-residenti u lill-parruċċani biex jibqgħu attenti u jirrappurtaw kull attività suspettuża fil-viċinanzi tal-knisja. Ġie enfasizzat li hemm responsabbiltà kollettiva biex il-knisja tiġi mħarsa.







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI