Caritas Malta nediet il-Maratona ta’ Mħabba, inizjattiva ta’ ġbir ta’ fondi li se tixxandar fuq l-istazzjonijiet kollha nhar is-Sibt 7 ta’ Novembru bejn il-11:00 u t-23:00. Il-fondi miġbura se jgħinu lil Caritas Malta tkompli toffri mingħajr ħlas diversi servizzi lill-persuni u l-familji l-aktar fil-bżonn, fosthom servizzi psiko-soċjali, programmi ta’ prevenzjoni u appoġġ relatat mad-dipendenza fuq id-droga.

Matul l-2025, 303 persuni ngħataw għajnuna permezz ta’ 922 sessjoni ta’ counselling u social work, filwaqt li 260 persuna oħra attendew gruppi ta’ sapport. Aktar minn 11,000 persuna ntlaħqu permezz ta’ ħidma fil-komunità, programmi fl-iskejjel u servizzi oħra. Fl-istess sena, 1,038 persuna fittxew l-għajnuna għal problemi relatati mad-droga.
Fl-istess okkażjoni tnediet ukoll il-kanzunetta Min Jaf li Kieku, miktuba u komposta minn studenti tal-Kulleġġ San Ġorġ Preca tal-Ħamrun u l-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl bħala parti mill-kampanja CaritasFest 25/26. Din is-sena t-tema magħżula kienet il-paċi, u permezz ta’ workshops immexxija minn Prof. Michael Spagnol u Daniel Cauchi, seba’ studenti ħadmu flimkien fuq il-lirika u l-mużika tal-kanzunetta.

Caritas Malta qed tħeġġeġ lill-pubbliku biex jagħti s-sehem tiegħu waqt il-Maratona ta’ Mħabba, hekk kif id-donazzjonijiet jgħinu biex is-servizzi tagħha jibqgħu jingħataw bla ħlas lil dawk li jkollhom bżonnhom.