X’tagħmel jekk annimal jifga, iweġġa’ jew ikun jeħtieġ CPR? Matul Ottubru u Novembru se jkunu qed jiġu organizzati numru ta’ korsijiet b’xejn ta’ Animal First Aid f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex. L-inizjattiva qed tittella’ b’kollaborazzjoni bejn is-Segretarjat Parlamentari responsabbli għall-Ħarsien tal-Annimali u l-Ministeru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, bil-għan li taħriġ prattiku dwar il-ħarsien u l-benesseri tal-annimali jitwassal direttament fil-komunitajiet.
Waqt il-korsijiet, il-parteċipanti se jitgħallmu kif għandhom jirreaġixxu f’emerġenzi li jinvolvu annimali, fosthom f’każ ta’ choking, kif jingħata CPR lill-annimali, kif jiġu kkurati l-feriti u x’għandu jsir f’każ ta’ avvelenament. L-għan hu li persuna tkun tista’ tagħti l-ewwel għajnuna b’mod immedjat u sigur sakemm tasal l-assistenza veterinarja meħtieġa.

Il-Ministru għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli spjegat li l-inizjattiva qed tressaq dan it-tip ta’ taħriġ eqreb lejn il-komunitajiet, filwaqt li tħeġġeġ aktar residenti jkunu ppreparati biex jirreaġixxu f’mument ta’ emerġenza. B’kollox, 26 Kunsill Lokali wrew interess li jkunu parti minn din l-inizjattiva. Zerafa Civelli saħqet li l-ħarsien tal-annimali jibda mill-għarfien, mir-responsabbiltà u mill-preparazzjoni, u li permezz tal-kollaborazzjoni bejn il-Gvern, il-Kunsilli Lokali u d-Direttorat tal-Animal Welfare, dan l-għarfien qed jitwassal aktar qrib ir-residenti.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari responsabbli għall-Ħarsien tal-Annimali Alicia Bugeja Said fakkret li meta annimal ikun f’sitwazzjoni ta’ emerġenza, l-ewwel minuti jistgħu jkunu kruċjali. Hija qalet li l-għan hu li n-nies jingħataw għarfien prattiku li jgħinhom jaġixxu b’mod sigur u responsabbli sakemm tingħata l-għajnuna veterinarja.

Il-korsijiet se jsiru f’dawn id-dati u l-lokalitajiet:
- 16 ta’ Ottubru – Il-Qala: 15:00–19:00, għall-Qala, ix-Xagħra u l-Għarb.
- 17 ta’ Ottubru – Bormla: 08:00–12:00, għal Ħal Tarxien, Bormla u l-Birgu.
- 24 ta’ Ottubru – Il-Furjana: 08:00–12:00, għall-Imsida, Santa Venera, Tal-Pietà, il-Ħamrun u l-Furjana.
- 31 ta’ Ottubru – Il-Fgura: 08:00–12:00, għall-Fgura, Paola u Santa Luċija.
- 7 ta’ Novembru – Ir-Rabat: 08:00–12:00, għar-Rabat, Ħ’Attard, Ħal Balzan, Ħal Lija u Ħad-Dingli.
- 12 ta’ Novembru – Pembroke: 13:00–17:00, għas-Swieqi, San Ġiljan u Pembroke.
- 21 ta’ Novembru – Marsaskala: 08:00–12:00, għall-Qrendi, Marsaskala u Marsaxlokk.
- 28 ta’ Novembru – Mellieħa: 10:30–14:30.

It-taħriġ se jingħata minn edukaturi kwalifikati magħżula mid-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali, b’kollaborazzjoni mad-Diviżjoni għall-Gvern Lokali u l-Kunsilli Lokali parteċipanti. Permezz ta’ din l-inizjattiva, l-għan hu li aktar persuni fil-komunitajiet ikollhom l-għarfien u l-ħiliet meħtieġa biex jipproteġu l-benesseri tal-annimali u jkunu jafu kif għandhom jirreaġixxu b’mod xieraq meta jinqala’ każ ta’ emerġenza.