“Illum Għaddew Disa’ Snin Minn Meta Tlift Il-Dawl. Niftakar Li Ħsibt Li Ħajti Kienet Spiċċat” – Kezman Mamo

Kezman Mamo

Illum jagħlaq tmien snin minn meta Kezman Mamo tilef għalkollox id-dawl t’għajnejh, mument li hu stess jiddeskrivih bħala wieħed li bidillu ħajtu għal dejjem, iżda li fl-istess ħin għenu jsir il-persuna li hu llum.

F’post fuq il-midja soċjali, Kezman qasam riflessjoni profonda fuq il-vjaġġ tiegħu.

"Illum għaddew disa’ snin minn meta tlift id-dawl ta’ għajnejja. Kelli seba’ snin biss. Niftakar li ħsibt li ħajti kienet spiċċat. Ma stajtx nimmaġina kif kien se jkun il-futur tiegħi u, biex ngħid il-verità, kont imbeżża’. Imma nixtieq li nista’ mmur lura fiż-żmien u ngħid lil dak it-tifel żgħir: 'Ħajtek ma spiċċatx. Għadha kemm bdiet.' Disa’ snin wara, inħares lura lejn dak kollu li ġara u kultant għadni ma nistax nemmen kemm imxejt ’il quddiem."

Il-kliem ta’ Kezman jirrakkonta storja ta’ persistenza, kuraġġ u ħolm li bil-mod il-mod sar realtà. Mill-kisba tax-xogħol tal-ħolm tiegħu għall-ħolqien tal-kontenut għal FITA Malta, kumpanija li għal snin uża s-servizzi tagħha.

Minn hemm kellu l-gradwazzjoni tiegħu b’riżultati eċċellenti u l-mument speċjali tal-prom, kull pass jirrifletti kemm kien hemm xogħol warajh.

Wara beda jaqsam aktar mill-ħajja tiegħu ta’ kuljum permezz ta' daily vlogs, u mbagħad fetaħ kapitlu ġdid billi sar student tal-MCAST, fejn qed isegwi Level 4 Advanced Diploma fil-Business and Administration, bħala pass importanti lejn il-karriera li dejjem xtaq.

Kexman jammetti li għadda minn storja ta’ snin ta’ sfidi, dmugħ, paċenzja u kuraġġ, flimkien ma’ mumenti fejn saħansitra staqsa jekk kienx se jirnexxielu jibqa’ għaddej.

U proprju dan jagħmel il-vjaġġ tiegħu wieħed tant sinifikanti: għax kull kisba li qed igawdi llum hija xhieda li anke meta t-triq tkun diffiċli, qatt m’għandek tieqaf temmen fik innifsek u fil-ħolm tiegħek.

"Disa’ snin ilu, ħsibt li ħajti kienet spiċċat. Illum, nirrealizza li kienet għadha kemm bdiet. U dan huwa biss il-bidu," jagħlaq Kezman.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI