Delta Goodrem U Matt Copley Jirritornaw F’Palazzo Parisio Sena Wara T-Tieġ Tagħhom

Sena wara li qalu "iva" f’wieħed mill-aktar tiġijiet li ġibdu attenzjoni, il-kantanta Awstraljana Delta Goodrem u żewġha Matt Copley reġgħu lura f’Palazzo Parisio biex jiċċelebraw l-ewwel anniversarju taż-żwieġ tagħhom.

Permezz ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali, Palazzo Parisio qasam ritratti tal-koppja u kiteb, "Xi mistednin tibqa’ tiftakarhom. Oħrajn jerġgħu lura biex ifakkruk għaliex. Delta Goodrem u Matt Copley iżżewġu hawn sena ilu u reġgħu lura biex jiċċelebraw l-ewwel anniversarju tagħhom magħna. Nawgurawlhom ħafna snin oħra ta’ mħabba u ferħ."

Ir-ritorn tal-koppja lejn Malta ġie ftit xhur wara sena importanti ħafna fil-karriera ta’ Delta Goodrem. Aktar kmieni din is-sena hija rrappreżentat lill-Awstralja fil-Eurovision Song Contest 2026 bil-kanzunetta Eclipse, fejn kisbet ir-raba’ post fil-finali – l-aqwa riżultat tal-pajjiż fil-kompetizzjoni f’dawn l-aħħar snin.

It-tieġ ta’ Delta Goodrem u Matt Copley, li sar f’Malta f’Ġunju tas-sena li għaddiet, ġibed attenzjoni minn diversi mezzi tax-xandir internazzjonali, b’Palazzo Parisio jospita r-riċeviment f’ambjent storiku u eleganti.

Ritratt: Facebook / Palozzo Parisio

Skont rapporti mill-midja Awstraljana, waqt iż-żjara tagħhom għall-anniversarju, il-koppja ħadet l-opportunità biex terġa’ żżur il-postijiet li kienu parti mill-ġurnata speċjali tagħhom, filwaqt li Delta saħansitra waqfet tiċċettja u tiċċelebra ma’ mistednin ta’ tieġ ieħor li nzertaw kienu qed joqogħdu Malta fl-istess żmien.

Ritratti:

Facebook / Palozzo Parisio

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI