Il-presepju tan-Natività li ġie inawgurat ilbieraħ fil-Belt Valletta qajjem diskussjoni fost il-Maltin, partikolarment minħabba l-figura ta’ tfajla li qed tieħu selfie mal-Bambin Ġesù, il-Madonna u San Ġużepp. Fuq il-midja soċjali, Jason Micallef spjega kif twieled il-kunċett ta’ dan il-presepju, bl-isem Ilbieraħ, Illum u Għada, li huwa xogħol l-artist u skultur Għawdxi Michael Cutajar Zahra.
Micallef irrakkonta kif aktar kmieni din is-sena għamel kuntatt mal-artist wara li kien ammira diversi xogħlijiet tiegħu. Waqt il-laqgħat li kellhom f’April u Mejju, Micallef esprima x-xewqa li jinħoloq presepju li jgħaqqad it-tradizzjonali mal-kontemporanju, mingħajr biża’ li jitbiegħed mid-disinn tradizzjonali.
Il-kunċett li ppreżenta l-artist mill-ewwel laqat lil Micallef, u ntlaħaq ftehim li l-figuri tal-presepju jsiru f’żewġ fażijiet, b’uħud minnhom jiżdiedu s-sena d-dieħla. "Il-presepju li inawgurajna lbieraħ fil-Belt Valletta laħaq diġà l-miri tiegħu. Fuq fomm kulħadd, fuq il-mezzi tax-xandir kullimkien, u fuq kollox qajjem diskussjoni. Dik hi l-qawwa tal-arti, tal-kreattività. Li tisfida n-normalità, li tqanqal, li tqajjem riflessjoni," kiteb Micallef.
Huwa spjega li l-figura tat-tfajla ta’ 18-il sena li qed tieħu selfie max-xena tan-Natività hija riflessjoni dwar il-mod kif illum il-ġurnata n-nies jiddokumentaw mumenti partikolari f’ħajjithom. Micallef stieden ukoll lill-pubbliku jimmaġina kemm-il persuna kienet tieħu selfie mal-Bambin Ġesù li kieku t-twelid tiegħu kellu jseħħ fi żminijietna.
Huwa temm billi rringrazzja u feraħ lill-artist Għawdxi għall-kunċett, id-disinn u l-ħolqien ta’ dan il-presepju kontemporanju. Intom x’taħsbu minn dan il-kunċett li jgħaqqad it-tradizzjoni mar-realtajiet tal-lum?
Facebook / Jason Micallef