“Din Hija Sempliċiment Familja Mibnija Fuq L-Imħabba” – Martina Zammit B’Messaġġ Speċjali Fix-Xahar Tal-Pride F’Malta

Il-preżentatriċi lokali Martina Zammit qasmet messaġġ personali u sinċier fuq il-midja soċjali, akkumpanjat minn ritratti tal-familja tagħha, bil-għan li twassal messaġġ wieħed ċar – li fil-qalba ta’ kollox hemm l-imħabba. Martina bdiet billi rrikonoxxiet l-importanza ta’ dan ix-xahar fejn tidħol il-ħtieġa għal aktar għarfien u viżibbiltà. Madankollu, spjegat li xi drabi ritratti sempliċi mill-ħajja ta’ kuljum jistgħu jwasslu messaġġ ferm aktar qawwi minn ħafna kliem.

“Din hija l-familja tiegħi. Xejn ikkumplikat. Xejn x’niddibattu. Sempliċiment familja mibnija fuq tant imħabba,” kitbet Martina. Hija qalet li tittama li dawn ir-ritratti jistgħu jaslu għand persuna li bħalissa qed issibha diffiċli taċċetta lilha nnifisha, jew forsi għand ġenitur li għadu qed jitgħallem jifhem lil ibnu jew lil bintu.

Martina semmiet ukoll lil dawk il-ħbieb u qraba li forsi għadhom qed ibiddlu l-perspettiva tagħhom, bit-tama li l-esperjenza tagħha u tal-familja tagħha tista’ tgħinhom jaraw l-affarijiet minn lenti differenti. Fl-istess waqt, hija kellha appell għal dawk li mhux neċessarjament jaqblu mal-għażliet tagħha. Filwaqt li qalet li taċċetta li mhux kulħadd se jaħsibha bl-istess mod, talbet biex dan in-nuqqas ta’ qbil ma jinbidilx f’kummenti ta’ mibegħda.

“Jekk ma taqbilx mal-għażliet tiegħi, kollox sew. Nitlob biss li ma ddawwarx dan f’kummenti ta’ mibegħda,” kitbet. Martina temmet il-messaġġ tagħha billi reġgħet saħqet fuq dak li xtaqet twassal permezz tar-ritratti tagħha: “Din hija sempliċiment familja mibnija fuq l-imħabba.”

Messaġġ sempliċi iżda b’saħħtu, li jfakkar fl-importanza tar-rispett, l-aċċettazzjoni u fuq kollox, l-imħabba.

Ritratti:

Facebook / Martina Zammit

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI