Il-mod kif il-ġenerazzjonijiet iż-żgħar qed iħarsu lejn l-alkoħol jidher li qed jinbidel b’mod drastiku, u dan qed jinħass sew mill-kumpaniji ewlenin tal-birra, l-inbid u l-ispirti madwar id-dinja.
Skont ċifri rrappurtati minn Bloomberg, l-ishma ta’ madwar 50 mill-akbar kumpanija tal-alkoħol fid-dinja flimkien tilfu aktar minn €740 biljun f’valur tas-suq fi ftit aktar minn erba’ snin. L-indiċi li jsegwi dawn il-kumpaniji jinsab madwar 46% taħt l-ogħla livell li kien laħaq f’Ġunju tal-2021.
Fost ir-raġunijiet għal din il-bidla hemm drawwiet ġodda fejn jidħol ix-xorb, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ. Il-Ġenerazzjoni Z qed turi interess akbar fis-saħħa u l-benesseri, filwaqt li ħafna qed jagħżlu li jixorbu inqas jew li jfittxu alternattivi mingħajr alkoħol. Analiżi riċenti tindika li 32% biss tal-Ġenerazzjoni Z tixrob kull ġimgħa, meta mqabbel ma’ 45% fost ġenerazzjonijiet akbar fl-età.
Dan qed iwassal għal bidla anke fil-mod kif iż-żgħażagħ jissoċjalizzaw. Minflok lejl neċessarjament marbut max-xorb, qed jikbru xejriet marbuta mal-fitness, il-wellness u l-mocktails, filwaqt li s-suq tax-xorb mingħajr alkoħol qed jikseb aktar attenzjoni. Madankollu, il-Ġenerazzjoni Z mhix l-unika raġuni wara t-telf kbir fis-settur. Fost il-fatturi identifikati hemm ukoll tħassib dejjem jikber dwar is-saħħa, pressjoni fuq il-finanzi tal-konsumaturi, rati tal-imgħax, tariffi u spejjeż ogħla għall-produtturi.
Fil-fatt, dejta tal-industrija turi li t-tnaqqis fil-konsum huwa xejra usa’. Bejn l-2019 u l-2025, il-konsum tal-alkoħol f’21 suq ewlieni u fil-bejgħ duty-free naqas b’rata medja annwali ta’ madwar 2%. Għalhekk jidher li mhux bilfors qed nispiċċaw naraw it-tmiem tax-xorb, iżda bidla fil-mod kif ġenerazzjoni ġdida tagħżel li tieħu gost u tissoċjalizza – u din il-bidla diġà qed tiswa biljuni lill-industrija tal-alkoħol.