Ftit tal-jiem ilu l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi qasmu kitba fuq il-paġna tagħhom fejn fiha tkellmu dwar gaġġeġ li ser jitpoġġew madwar ir-raħal, biex jinqabdu l-ħamiem. Bosta nies fil-kummenti staqsew x’ser isir minn dan il-ħamiem, hekk kif fil-kitba ntqal biss li l-ħamiem ser, “jiġi ttrattat skont il-proċeduri applikabbli.”
Qalu, “Bejn it-12 u s-16 ta’ Ottubru, id-Dipartiment tas-Sanità ser iwettaq eżerċizzju ta’ kontroll tal-ħamiem fil-lokalità tagħna. Ser jitpoġġew gaġeġ f’postijiet identifikati fejn hemm konċentrazzjoni kbira ta’ ħamiem, abbażi ta’ rapporti u lmenti li waslu għand il-Kunsill Lokali. Il-ħamiem li jinqabad ser jittieħed mid-Dipartiment tas-Sanità u jiġi ttrattat skont il-proċeduri applikabbli.”
Żiedu, “Dan l-eżerċizzju huwa parti minn ħidma usa’ biex tiġi indirizzata l-problema tal-ħamiem. Il-Kunsill ser ikompli jiddiskuti u jesplora miżuri oħra, flimkien mal-awtoritajiet kompetenti, għal soluzzjonijiet sostenibbli fit-tul. Grazzi tal-koperazzjoni u l-appoġġ tagħkom.”