Il-kantanta żagħżugħa Maltija Elyse Agius kisbet suċċess prestiġjuż waqt il-festival internazzjonali INSIEME Music School li sar fir-Rumanija, hekk kif rebħet it-titlu ta’ Overall Winner fil-kategorija tagħha bl-ogħla marki.
Permezz ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali, Elyse qalet li tinsab “aktar minn kuntenta u grata” għal din l-esperjenza li ddeskriviet bħala waħda indimentikabbli. Hija żiedet li kellha wkoll l-opportunità tikkompeti mal-aqwa sitt kantanti tal-festival kollu, minn fost aktar minn 350 parteċipant.
Il-kantanta rringrazzjat lill-ġenituri tagħha għall-appoġġ kontinwu, lill-vocal coach tagħha Josef Tabone għall-gwida u x-xogħol kollu tiegħu, kif ukoll lill-manager tagħha Erika Said u lil Erseb Productions għall-opportunità mogħtija lilha.
Anke Erseb Productions faħħru r-riżultati miksuba mit-talent Malti waqt il-festival, fejn ħabbru li Eleny, Katryce, Elisa u Charlotte Grixti kollha rebħu l-ewwel post fil-kategoriji rispettivi tagħhom.
L-organizzazzjoni qalet li tinsab kburija ħafna bil-kisbiet tat-tfal Maltin fir-Rumanija u ddeskriviet il-festival bħala esperjenza ta’ suċċess kbir għall-ewwel parteċipazzjoni tagħhom.
“Għandna għalfejn inkunu kburin li aħna Maltin,” kitbet Erseb Productions fi tmiem il-messaġġ tagħha, flimkien mal-appell “Forza Malta!”.
Facebook / Elyse Agius