Il-Biljetti Għall-Kunċert Tal-Grupp Taljan Ricchi E Poveri Jinsabu Għall-Bejgħ – Kunċert Li Mistenni Jiġbed Folla Kbira F’Ħal Għaxaq

L-Għaxaq Music Festival se jkun qed jirritorna fis-sajf tal-2026 b’edizzjoni oħra spettakolari, hekk kif tħabbar l-ewwel headliner internazzjonali tiegħu, il-grupp leġġendarju Taljan Ricchi e Poveri.

Wara s-suċċess miksub fl-aħħar snin b’kunċerti minn artisti rinomati bħal Zucchero, Gipsy Kings, Ronan Keating, Marco Masini u UB40, il-festival qed iwiegħed produzzjoni akbar minn qatt qabel.



Ricchi e Poveri se jkunu qed jagħtu kunċert f’Malta nhar it-Tlieta 21 ta’ Lulju 2026 fil-Għaxaq Grounds bħala parti mill-World Tour tagħhom, f’lejla li mistennija tkun mimlija nostalġija, enerġija u l-akbar suċċessi Taljani li għaqqdu ġenerazzjonijiet sħaħ.



Il-grupp huwa meqjus bħala wieħed mill-aktar ismijiet emblematiċi tal-mużika Taljana, b’aktar minn 22 miljun diska mibjugħa u 30 album tul il-karriera tagħhom.

Fl-aħħar xhur, Ricchi e Poveri reġgħu kisbu popolarità kbira bil-kanzunetta Ma non tutta la vita, li daħlet fit-Top 10 ta’ Spotify Italia, Amazon Music u iTunes. Il-kanzunetta ġabret aktar minn 50 miljun stream fl-Italja biss u wasslet lill-grupp biex jaqbeż diversi drabi t-8 miljun semmiegħ fix-xahar fuq Spotify.



Anke fuq YouTube u TikTok il-kanzunetta kellha suċċess enormi, b’aktar minn 36 miljun view għall-video uffiċjali u aktar minn 720 miljun view globali permezz ta’ kontenut maħluq mill-utenti fuq TikTok.

Tul il-karriera tagħhom, Ricchi e Poveri ħadu sehem diversi drabi fil-Festival di Sanremo u rrappreżentaw lill-Italja f’avvenimenti internazzjonali prestiġjużi, filwaqt li komplew isaħħu l-popolarità tagħhom madwar id-dinja.

Il-kunċert fil-Għaxaq se jieħu lill-pubbliku fuq vjaġġ mużikali ta’ aktar minn 50 sena, b’repertorju li jinkludi klassiċi bħal Mamma Maria, Voulez Vous Danser, Che sarà, Come Vorrei, Se m’innamoro u l-kanzunetta ikonika Sarà perché ti amo, li għadha sal-lum waħda mill-aktar suċċessi Taljani magħrufa internazzjonalment.

Matul il-lejla, Angelo u Angela se jkunu akkumpanjati minn band live internazzjonali biex iwasslu spettaklu mimli emozzjoni, kuluri u atmosfera ta’ festa. L-organizzaturi qed jiddeskrivu dan il-kunċert bħala wieħed mill-akbar appuntamenti tas-sajf f’Malta u wieħed mill-aktar avvenimenti mistennija tal-Għaxaq Music Festival 2026.

Wieħed jista’ jaqta’ l-biljetti tiegħu minn HAWN!

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI