“Erba’ Snin Ilu Ngħatajna Ċans Ieħor” – Maria Calleja B’Messaġġ Mimli Mħabba U Tama Lil Binha Andrea

Erba’ snin wara l-inċident li biddel ħajjet Andrea Calleja, magħruf minn ħafna bħala “Batman”, ommu Maria Calleja qasmet messaġġ mill-qalb fuq il-midja soċjali, fejn tkellmet dwar il-kuraġġ, id-determinazzjoni u t-tama li għadhom jakkumpanjaw lill-familja tagħhom f’dan il-vjaġġ xejn faċli.

Andrea kien sofra ġrieħi serji waqt l-avveniment The Grid fl-2022, inċident li ħallieh paralizzat f’idejh u f’saqajh. Minn dakinhar, huwa kompla għaddej minn proċess ta’ riabilitazzjoni, filwaqt li l-familja tiegħu baqgħet dejjem qrib tiegħu. Fit-8 ta’ Ottubru, data li tibqa’ mnaqqxa f’qalbhom, Maria għażlet li tħares mhux biss lejn dak li ġara, iżda wkoll lejn il-futur.

“It-8 ta’ Ottubru hija data mnaqqxa f’ħajjitna. Għalkemm ma nistgħux immorru lura u nbiddlu dak li ġara, nistgħu nħarsu ’l quddiem u nippruvaw nimxu ġurnata b’ġurnata. U proprju hekk qed nagħmlu,” kitbet Maria. Hija fissret kif il-familja tħoss li ngħatat ċans ieħor u kif il-kuraġġ u r-reżiljenza ta’ Andrea komplew jagħtuhom is-saħħa biex ma jaqtgħux qalbhom.

“Ma ħallejna ebda ġebla mhux maqluba, u nwiegħduk li se nibqgħu ħdejk f’kull deċiżjoni li tieħu. Il-kuraġġ u s-saħħa li għandi ġejjin minnek.” Fost l-aktar kliem li jmiss il-qalb, Maria tkellmet dwar kemm hu diffiċli għaliha bħala omm li tara lil binha għaddej minn tant tbatija, mingħajr ma tkun tista’ tneħħilu l-uġigħ.

“Int iddawwal kull kamra li tidħol fiha, minkejja li minn ġewwa qed tbati. Il-fatt li ma nista’ nagħmel xejn biex intejjeb is-sitwazzjoni joqtolni, iżda nwiegħdek li nagħmel dak kollu li nista’ biex nagħmilhielek aktar faċli.” Minkejja l-isfidi kollha, Maria esprimiet gratitudni lejn binha għall-umiltà li baqa’ juri tul dawn l-erba’ snin, filwaqt li rringrazzjat lil dawk kollha li kienu ta’ sostenn għall-familja.

“Erba’ snin ilu ngħatajna ċans ieħor... ejja nagħmlu l-aħjar minnu,” temmet tgħid. Il-ġrajja ta’ Andrea tibqa’ waħda ta’ kuraġġ u perseveranza. Erba’ snin wara, il-vjaġġ tiegħu għadu għaddej, iżda l-messaġġ ta’ ommu jfakkarna li anke quddiem l-akbar diffikultajiet, l-imħabba, it-tama u s-sostenn tal-familja jistgħu jagħtu s-saħħa biex wieħed ikompli jħares ’il quddiem.

Ritratt:

Facebook / Andrea Calleja

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI