Nathan Psaila u Dylan Fiteni ngħaqdu flimkien sabiex għal dan il-Milied iniedu kanzunetta oriġinali bl-isem ta’ Flimkien. Il-kanzunetta, miktuba mit-tnejn li huma bi produzzjoni ta’ Cyprian Cassar, twassal messaġġ sabiħ ta’ mħabba, għaqda u solidarjetà.
Permezz ta’ din il-kanzunetta, iż-żewġ artisti xtaqu jfakkru fl-importanza li nkunu hemm għal xulxin, speċjalment għal dawk li jkunu għaddejjin minn żminijiet diffiċli. "Iżda għalina, ‘Flimkien’ mhijiex biss kanzunetta. B’rabta mar-rilaxx tagħha, qed inniedu wkoll inizjattiva ta’ ġbir ta’ fondi b’risq il-Malta Community Chest Fund (MCCF)," spjega Nathan fuq il-midja soċjali.
Matul ix-xahar ta’ Diċembru, iż-żewġ artisti se jkunu qed jorganizzaw diversi attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi, fosthom sessjonijiet ta’ kant fit-toroq, bil-għan li l-messaġġ tal-kanzunetta jinbidel f’azzjoni konkreta. Dawk li jixtiequ jagħtu s-sehem tagħhom f’din l-inizjattiva jistgħu jagħmlu dan billi jidħlu HAWN. Kull donazzjoni, żgħira jew kbira, tista’ tagħmel differenza fil-ħajja ta’ xi ħadd.
"Għax nemmnu li flimkien nistgħu nagħmlu differenza. U għax il-Milied ikun isbaħ meta nkunu flimkien," temm jgħid Nathan. Prosit liż-żewġ artisti ta’ din l-inizjattiva sabiħa li tgħaqqad il-mużika Maltija mal-ispirtu ta’ ġenerożità li tant jikkaratterizza dan iż-żmien tas-sena!