‘Filgħodu’ – Il-Kantawtur Philip Vella Jiċċelebra L-Imħabba Fil-Mumenti Sempliċi Tal-Ħajja

Philip Vella, Filgħodu (Artwork)

Il-kantawtur Malti Philip Vella jippreżenta 'Filgħodu', kanzunetta ġdida bi kliem u mużika tiegħu stess u bi produzzjoni mużikali ta’ Sean Vella. Kanzunetta li tiċċelebra l-imħabba fl-aktar mumenti sempliċi tal-ħajja u tfakkarna kemm huma prezzjużi dawk l-affarijiet żgħar li ħafna drabi nieħdu bħala xi ħaġa ovvja.

'Filgħodu' tpinġi xena familjari iżda mimlija emozzjoni: l-ewwel raġġi tax-xemx deħlin mit-tieqa, il-kwiet ta’ ġurnata li għadha kemm bdiet u l-persuna li tħobb għadha rieqda maġenbek. Hija kanzunetta dwar imħabba li ma teħtieġx ġesti kbar biex tinħass, iżda li ssib il-qawwa tagħha fil-preżenza, fl-affett u fil-mumenti li naqsmu ma’ xulxin.

Għalkemm ispirata mill-imħabba li Philip għandu lejn martu, il-kanzunetta twassal messaġġ universali li fih jista’ jsib ruħu kull min iħobb u japprezza l-ferħ li jġibu magħhom il-mumenti ta’ kuljum.

“Din il-kanzunetta twieldet minn sentiment personali ħafna, iżda xtaqt li fiha jkun jista’ jsib ruħu kulħadd. Nemmen li l-isbaħ mumenti tal-imħabba mhux bilfors ikunu dawk straordinarji. Xi drabi jkunu l-aktar affarijiet sempliċi, bħal meta tqum filgħodu u ssib ħdejk lill-persuna li tħobb. Huma dawn il-mumenti li jagħmlu l-ħajja sabiħa,” jgħid il-kantawtur Philip Vella.

B’karriera ta’ diversi snin fix-xena mużikali Maltija, il-kantawtur Philip Vella kompla jħalli l-impatt tiegħu permezz ta’ kanzunetti li kiteb, ikkompona u interpreta. Fost l-aktar mumenti importanti fil-karriera tiegħu hemm is-suċċess bil-kanzunetta 'Il-Verità' fl-Għanja tal-Poplu tal-2019, kif ukoll il-parteċipazzjoni tiegħu fl-ewwel edizzjoni ta’ Mużika Mużika fl-2021 bil-kanzunetta “Il-Kitarra u Jien”.

Il-produzzjoni mużikali ta’ Sean Vella tkompli tagħti ħajja lill-emozzjoni tal-kanzunetta, b’arranġament li jibda b’mod delikat u gradwalment jikseb aktar saħħa, filwaqt li jħalli l-vuċi u l-interpretazzjoni ta’ Philip fiċ-ċentru tal-attenzjoni.

'Filgħodu' hija akkumpanjata wkoll minn vidjo mużikali li jista’ jarah il-pubbliku fuq YouTube.

Isma' l-kanzunetta fuq Youtube HAWN

Ritratt:

iCam by Matthew Cutajar

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI