Il-kantawtur Malti Mychael Bartolo Chircop qed ikompli jsaħħaħ il-preżenza tiegħu fix-xena mużikali, b’kanzunetti ġodda, suċċessi fil-klassifiki mużikali u diversi wirjiet live.
Issa jmiss ONE THING, kanzunetta ġdida b’ħoss aktar rock ’n’ roll, li b’mod divertenti tittratta mistoqsija waħda: x’hemm bżonn biex wieħed jiġbed l-attenzjoni?
Wara DANCING ON THE FLOOR u WHAT THE HELENA?, il-kollaborazzjoni tiegħu ma’ Miriana Conte, Mychael qed ikompli jesperimenta b’ħoss aktar rock. B’ritornell li malajr jibqa’ f’moħħok u solo tal-kitarra minn Wayne Camilleri, ONE THING għandha enerġija u karattru li jaqblu perfettament mat-tema tagħha.

Permezz ta’ dawn il-kanzunetti, Mychael qed ikompli jiżviluppa l-istil mużikali tiegħu, filwaqt li juri aspetti differenti tal-personalità tiegħu bħala artist.
“Naħseb li meta tkun artist u titla’ fuq il-palk, tieħu gost tiġbed ftit attenzjoni! Ridna nilagħbu ftit b’din l-idea u ma nieħdux lilna nfusna bis-serjetà żżejjed. Ħadna gost ħafna naħdmu fuq din il-kanzunetta, u nittama li n-nies jieħdu gost jisimgħuha daqs kemm ħadna gost aħna nagħmluha,” jgħid Mychael.

ONE THING inkitbet minn Mychael Bartolo Chircop, Miriana Conte, Muxu u Peter Borg, bil-produzzjoni mużikali f’idejn Peter Borg fir-Railway Studios. Il-kanzunetta hija akkumpanjata minn vidjow mużikali uffiċjali taħt id-direzzjoni ta’ Steven Levi Vella.
Intant, Mychael jinsab ħerqan għal dak li għandu ppjanat għax-xhur li ġejjin. “Dan l-aħħar qattajt ħafna ħin fl-istudjo naħdem fuq mużika ġdida. Ninsab ħerqan ħafna li naqsam mal-pubbliku dak li ilna nippreparaw, għax hemm diversi proġetti li qed inħares ’il quddiem għalihom,” iżid jgħid.
Isimgħu ONE THING fuq Spotify u araw il-vidjow mużikali uffiċjali fuq YouTube.