Ftit ġimgħat ilu ħarġet l-aħbar li Bert's Take Away, wieħed mill-eqdem takeaways fil-Belt Valletta, se jagħlaq il-bibien tiegħu wara kważi 50 sena jservi l-komunità.
L-aħbar ħalliet lil bosta Beltin iddispjaċuti, b'mod speċjali dawk il-Beltin li kienu ilhom jiffrekwentaw dan il-ħanut sa minn tfulithom, u għalhekk kienu jqisu lil Bertu, sid il-ħanut, bħala "t-tieni missier tagħhom.
Fl-isfond ta' din l-aħbar, il-Briefcase Man għadu kif ħabbar inizjattiva sabiħa sabiex jiġi żgurat li dan il-ħanut Malti jingħata għeluq xieraq filwaqt li l-aħħar ġurnata ta' Bertu tkun waħda kemm jista' jkun speċjali.
F'filmat li tella' fuq il-midja soċjali, il-personalità lokali spjega kif kulħadd qed jiġi mistieden sabiex nhar is-Sibt li ġej fil-11:00 jerħilha lejn Triq il-Merkanti "għall-aħħar ftira mingħand Bertu".
"F'waħda mill-ftajjar se nqiegħed €500 li wieħed minnkom se jkun qiegħed jieħu miegħu d-dar," spjega l-Briefcase Man fejn ħeġġeġ lis-segwaċi tiegħu sabiex jingħaqdu miegħu f'din l-inizjattiva, fejn saħaq li "flimkien, bħala komunità, nistgħu nagħmlu differenzà ferm ikbar".
Instagram / The Briefcase Man