“Nibża’ Li Mmut Qabel Ibni, Għax Ħadd Mhu Se Jagħmel Miegħu Dak Li Nagħmel Jien” – Omm Zach

Zach hu tifel intelliġenti ferm li sfortunatament ibati minn diżabbiltà fiżika. Ommu Natasha, li ilha minn twelidu tieħu ħsiebu u tara li qatt ma jonqsu xejn, tispjega kif minħabba l-qagħda tiegħu, hi jkollha żżomm għajnejha fuqu kważi 24 siegħa kuljum, "anke bil-lejl".

"Fuq is-sodda tiegħu għandu kameras li minnhom bil-lejl inkun nista' tal-anqas nisma' jekk jinqalalu xi ħaġa, ladarba hu ma jistax jgħajjatli," tkompli tgħid l-omm.

Viżibbilment kommossa, hi tistqarr ukoll li l-ikbar biża' tagħha hi li tmut qabel binha għaliex ma temminx li hemm xi ħadd li jista' jagħtih l-istess attenzjoni u mħabba li tagħtih hi. "Ħadd mhu se jagħmel miegħu dak li nagħmel jien," saħqet Natasha.

Fuq nota iżjed pożittiva, Natasha titkellem ukoll dwar l-għajnuna li binha Zach sab mindu beda jmur l-Inspire; binja li fiha persuni v'diżabbiltà jsibu l-għajnuna u l-assistenza kollha li jeħtieġu.

"Inkun ġurnata sħiħa moħħi mistrieħa b'carers li jħobbuh li sinċerament m'għandhix kliem biex infaħħar il-ħidma tagħhom," sostniet omm Zach.

Natasha rrakkontat l-istorja ta' binha ftit jiem qabel il-maratona ġbir ta' fondi tal-INSPIRE li b'mod regolari jgħinu diversi persuni b'diżabbiltà. Il-maratona se sseħħ fis-27 ta' Settembru u se tibqa' għaddejja għal 12-il siegħa, mill-11:00 sal-23:00.

Għinu lill-INSPIRE sabiex ikompli jgħin iżjed persuni b'diżabbiltà.

Ritratti:

Facebook / Inspire Malta

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI