“Għalija… Parti Kbira Minn Ħajti” – Il-Membru Parlamentari Tħares Lura Lejn 35 Sena Ta’ ONE Radio

Il-Membru Parlamentari Romilda Zarb ingħaqdet ma’ dawk li qed ifakkru l-35 anniversarju ta’ ONE Radio, stazzjon li għal Zarb għandu rabta personali ferm speċjali hekk kif il-vjaġġ tagħha miegħu beda meta kienet għadha tifla.

"Lanqas naf minn fejn se nibda meta nħares lura lejn dawn il-35 sena ta’ ONE Radio," kitbet Zarb, hekk kif fakkret li l-ewwel darba li rifset l-għatba tal-istazzjon kienet fl-1992, meta kellha biss 11-il sena. Minn hemm bdiet mixja li kompliet tikber magħha matul is-snin u li, fi kliemha, permezz tagħha dejjem baqgħet qrib in-nies.

Zarb irringrazzjat lill-ħafna persuni li ltaqgħet magħhom tul din il-mixja, fosthom lil dawk li mxew magħha, lil dawk li għallmuha u lil dawk li emmnu fiha. Irringrazzjat ukoll għall-esperjenzi li mhux dejjem kienu faċli, hekk kif sostniet li kemm dawk pożittivi kif ukoll dawk negattivi jgħinu biex isawru lill-persuna.

"Jagħmluna l-persuni li aħna llum u jgħinuna nibqgħu nikbru, nitgħallmu u nsiru verżjoni dejjem aħjar tagħna nfusna," kitbet. Fil-messaġġ tagħha, Zarb irringrazzjat lil ONE għas-snin kollha u lil dawk li tul iż-żmien baqgħu jħobbu u jsostnu lill-istazzjon.

"35 sena ta’ ONE Radio. 35 sena ta’ vuċijiet, memorji, nies u stejjer. U għalija… parti kbira minn ħajti," temmet tikteb Zarb, filwaqt li żiedet li l-mixja tagħha għadha mhix fi tmiemha, "Grazzi ta’ din il-mixja. U żgur li l-mixja ser tkompli…"

Ritratti:

a

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI