Hemm telfiet li diffiċli ssib kliem biex tiddeskrivihom, speċjalment meta wieħed ikollu jsellem lil persuna li kienet parti tant importanti minn ħajtu.
Deasin, żagħżugħ Żabbari u li jilgħab ukoll ma' Birkirkara, qasam messaġġ emozzjonanti fuq il-midja soċjali wara t-telfa traġika ta’ ommu, Stephania Grech, il-mara Maltija ta’ 55 sena li lbieraħ tilfet ħajjitha f’inċident tat-traffiku f’Modica, fi Sqallija.
F’kitba mimlija niket, Deasin wera kemm għadha diffiċli għalih ir-realtà li ommu m’għadhiex miegħu. Huwa stqarr, li qatt ma seta’ jimmaġina li jasal jum meta jkollu jgħix mingħajrha, u li għadu qed isibha diffiċli jaċċetta li mhux se jerġa’ jisma’ leħinha jew jara t-tbissima tagħha.
L-aktar parti li tqanqal emozzjonijiet fil-messaġġ , hija x-xewqa sempliċi taż-żagħżugħ, li xtaq li qatta’ ftit aktar ħin magħha, jerġa’ jgħannaqha u jgħidilha kemm kienet tfisser għalih. Deasin temm il-messaġġ tiegħu b’tislima ta’ mħabba lejn ommu, u bil-wegħda li l-memorja tagħha tibqa’ tgħix f’qalbu għal dejjem.
It-Tim ta' Gwida.mt jagħti l-kondoljanzi sinċieri lill-familja kollha u jalla jsibu l-faraġ u s-saħħa f’dan il-mument tant diffiċli.
Facebook/Deasin EL Hazzewi