Malta Cat Shows Tiċċelebra 20 Sena B’Wirja Internazzjonali Tal-Qtates

Min iħobb il-qtates għandu tmiem il-ġimgħa li żgur ma jridx jitlef! F’Novembru, Malta se tkun qed tilqa’ għadd ta’ qtates ta’ razez differenti minn Malta u minn pajjiżi oħra, f’wirja internazzjonali li għandha wkoll tifsira speċjali ħafna.

Malta Cat Shows se tkun qed tiċċelebra 20 sena ta’ ħidma u passjoni lejn id-dinja tal-qtates u b'hekk ħa ttella' Xow Internazzjonli tal-Qtates, li se jsir nhar is-Sibt 21 u l-Ħadd 22 ta’ Novembru, fl-InterContinental Malta. Matul il-jumejn, il-pubbliku se jkun jista’ jara mill-qrib diversi razez ta’ qtates, jiltaqa’ ma’ dawk li jrabbu u ma’ esebituri internazzjonali, kif ukoll jitgħallem aktar dwar il-karatteristiċi u d-dinja affaxxinanti tagħhom.

Madankollu, il-wirja mhijiex biss opportunità biex wieħed jammira dawn l-annimali sbieħ, imma se jkun hemm ukoll kompetizzjonijiet internazzjonali, li l-qtates se jiġu evalwati minn ġurija, flimkien mal-Master, Double Master u Triple Master Rings. L-attività hija maħsuba għall-familji, għad-dilettanti tal-annimali u għal kull min sempliċement jixtieq iqatta’ tmiem il-ġimgħa b’mod differenti.

U forsi l-aħjar aħbar? Id-dħul huwa kompletament b’xejn. Il-wirja se tkun miftuħa bejn l-10.30am u s-6.00pm fiż-żewġ ġranet, u se tkun opportunità biex wieħed jiċċelebra 20 sena ta’ Malta Cat Shows fost qtates minn diversi partijiet tad-dinja.

Għalhekk, jekk il-qtates huma għal qalbek, żomm dawn id-dati f’moħħok!

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI