Permezz ta’ kitba fuq il-paġna uffiċjali tagħhom fuq Facebook, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qasam dettalji dwar operazzjoni ta’ salvataġġ li saret ilbieraħ f’St Peter’s Pool, Delimara.
Huma kitbu, “Ilbieraħ, membri tal-Protezzjoni Ċivili mill-istazzjonijiet tat-tifi tan-nar 1, 5 u 10 issejħu f’St Peter’s Pool f'Delimara, fejn mara kellha bżonn assistenza medika.”
“Tim mediku mid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei eżamina lill-mara u taha l-kura immedjata meħtieġa. Minħabba d-diffikultà tal-art fiż-żona, il-mara ttellgħet abbord dgħajsa tas-salvataġġ tal-Protezzjoni Ċivili u ttieħdet fl-istazzjon numru 10 fejn ġiet mgħoddija f’idejn l-ekwipaġġ tal-ambulanza sabiex tingħata aktar kura medika.”
Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili temm il-kitba billi rringrazzja lit-tim mediku tad-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei għall-assistenza tiegħu matul din l-operazzjoni.
Prosit lil dawk kollha involuti.