Ħaddiema minn pajjiżi terzi (TCNs) ġew imħeġġa jingħaqdu f'ġimgħa sħiħa ta' azzjonijiet ta' protesta b'reazzjoni għall-miżuri mħabbra fil-Baġit 2027. Il-kampanja, imsejħa The Green Ribbon Project u organizzata minn TCN Alliance Malta flimkien ma' Solidarjetà, Moviment Graffitti u TCNs United, għandha l-għan li tagħti vuċi lill-ħaddiema barranin li spiss jibżgħu jitkellmu fil-pubbliku u tiġbed l-attenzjoni lejn il-kontribut tagħhom fl-ekonomija Maltija.
L-inizjattiva tibda nhar it-Tnejn b'bojkott tat-trasport pubbliku, bil-ħaddiema jitħeġġu jimxu, jużaw roti jew jaqsmu karozzi flimkien biex juru l-impatt tat-traffiku li se jinħoloq meta minn Jannar li ġej jitneħħielhom it-trasport pubbliku b'xejn. It-Tlieta se jkun iddedikat għal bojkott tal-ħwienet, fejn il-parteċipanti qed jintalbu jixtru biss mingħand ħwienet tal-merċa mmexxija minn ċittadini minn pajjiżi terzi, b'risposta għall-argument li l-barranin ma jonfqux flus lokalment.
Wara attivitajiet komunitarji nhar il-Ħamis, nhar il-Ġimgħa se ssir protesta ta' permanenza fid-dar (stay-at-home) flimkien ma' katina umana mixgħula bix-xemgħat mill-Funtana tat-Tritoni sa quddiem il-Berġa ta' Kastilja fil-5:30pm. Il-ġimgħa ta' azzjonijiet tagħlaq is-Sibt 21 ta' Novembru bil-kunċert ta' protesta United Against Discrimination ħdejn il-Funtana tat-Tritoni bejn l-4:00pm u s-7:00pm. Sadanittant, kważi 200 akkademiku u ħaddiem fis-settur edukattiv ukoll iffirmaw stqarrija fejn appellaw lill-Gvern biex jirtira ż-żidiet fil-miżati tal-permessi tax-xogħol, il-kontribuzzjoni annwali tal-infrastruttura u l-ħlas biex isuqu karozza privata.
Facebook/TCN Alliance