Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop ħabbar li reġa’ ġie ffirmat it-tiġdid tal-ftehim ta’ ġemellaġ bejn ir-raħal ta’ Ħal Kirkop u l-komunità ta’ Rousset fi Franza.
Iċ-ċerimonja saret bil-preżenza tal-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, is-Sindku ta’ Ħal Kirkop Matthew Agius Zammit u l-membri kollha tal-Kunsill ta’ Ħal Kirkop, is-Sindku ta’ Rousset Philippe Pignon, il-President tal-Kumitat tal-Ġemellaġ Pascale Lerda, membri tal-kumitati, eks kunsilliera, rappreżentanti ta’ NGOs lokali u mistednin distinti oħra.
Fid-diskors tiegħu, is-Sindku Matthew Agius Zammit qal, “Il-ġemellaġ bejn Ħal Kirkop u Rousset mhuwiex biss ftehim fuq karta, iżda rabta bejn in-nies tagħna. Matul is-snin qsamna ħafna ideat, kultura u esperjenzi, u bnejna ħbiberija vera u sinċiera.” Hu enfasizza l-importanza ta’ din il-ħbiberija.
Is-Sindku Matthew Agius Zammit semma wkoll żviluppi pożittivi li qed isaħħu r-relazzjoni bejn iż-żewġ komunitajiet. Il-kumpanija ST Microelectronics, li kienet il-bażi tar-rabta oriġinali bejn Ħal Kirkop u Rousset, kompliet tikber b’mod sinifikanti fiż-żewġ pajjiżi.
L-impjant ta’ ST Microelectronics f’Rousset ġewwa Franza riċentement kiseb €1 biljun f’fondi Ewropej mill-Bank Ewropew tal-Investimenti. Dan huwa pass importanti ħafna għall-futur tal-industrija fir-reġjun. Fl-istess ħin, ST Microelectronics f’Malta li tinsab ġewwa Ħal Kirkop, li kienet iċ-ċavetta ta’ dan il-ġemellaġ investiet f’faċilitajiet ġodda li se jkunu kompletament robotizzati, li juru li t-tkabbir u l-modernizzazzjoni għaddejjin b’mod parallel f’żewġ komunitajiet li, minkejja d-distanza bejniethom, qed jaqsmu l-istess viżjoni u progress.
“Dawn l-iżviluppi juru li ż-żewġ komunitajiet tagħna qed jimxu ’l quddiem flimkien. Minkejja ‘l bogħod fiżiku, naqsmu opportunitajiet ekonomiċi u soċjali li jsaħħu r-rabta tagħna,” żied jgħid is-Sindku Matthew Agius Zammit.
Iż-żewġ Kunsilli esprimew ix-xewqa li jkomplu jsaħħu l-proġetti ta’ skambju kulturali, edukattiv u komunitarju. Proġetti mmirati lejn iż-żgħażagħ, il-kultura u parteċipazzjoni ċivika huma fost il-punti li l-komunitajiet qed jippjanaw li jkomplu jiżviluppaw flimkien.
Is-Sindku flimkien mal-membri tal-Kunsill għandhom messaġġ wieħed ta’ ottimiżmu, “Billi naħdmu id f’id, nistgħu nkomplu nsaħħu r-rabta bejn Ħal Kirkop u Rousset. Inħarsu ’l quddiem biex naraw futur sabiħ għal dawn iż-żewġ komunitajiet.”