Permezz ta' kitba fuq il-paġna tagħhom, MSPCA qasmu mas-sgewaċi tagħhom ritratti ħelwin immens ta' ħnieżer li qed ifittxu d-dar dejjiema tagħhom.
Huma qalu, “MSPCA mdorrijin insibu djar għall-klieb u l-qtates, iżda Ottubru ta’ dis-sena ġabilna xi ħaġa ftit differenti! Iltaqgħu ma’ Annie, ħanżira li ġiet abbandunata f’Bormla u li issa saret omm ta’ ħamest ifrieħ mill-isbaħ – Rosie, Billy, Frankie, Freddie u Eddie! Bħalissa, din il-familja ċkejkna tinsab f’post sigur taħt il-kura temporanja ta’ Alison Azzopardi, u qed tfittex djar mimlijin imħabba u b’nies responsabbli li lesti jieħdu ħsiebhom.”
Żiedu, “Il-ħnieżer huma annimali intelliġenti ħafna, soċjevoli u kapaċi jħossu l-emozzjonijiet. F’ambjent xieraq, bil-kura u l-kumpanija li għandhom bżonn, jistgħu jgħixu ħajja mill-isbaħ. Bħala parti mill-proċess responsabbli biex jinstabulhom djar ġodda, ilkoll se jiġu sterilizzati.”
Temmew billi qalu, “Qed infittxu djar għalihom, mhux biċċeriji. Futur, mhux data ta’ meta tintemm ħajjithom.”