Riżultati mill-aqwa għal Team Chaudron 99, li rnexxielu jikseb tliet trofej waqt is-77 edizzjoni tal-kompetizzjoni prestiġjuża Centomiglia del Lario, li saret fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet fuq il-Lag ta’ Como, fl-Italja. It-tim Malti ħa sehem abbord iċ-Chaudron SVR 33, dgħajsa mibnija f’Malta, u rnexxielu jħalli impatt mill-aqwa fost aktar minn 50 dgħajsa li pparteċipaw f’din il-kompetizzjoni.
Team Chaudron 99 kiseb l-ewwel post fil-kategorija Diporto Performance, it-tieni post fil-klassifika ġenerali taċ-Centomiglia del Lario, kif ukoll it-titlu tal-Aqwa Dgħajsa Monohull (Best Monohull Overall). Dak li jagħmel dan is-suċċess aktar impressjonanti huwa l-fatt li t-tim kellu jaffaċċja diversi problemi tekniċi matul it-tellieqa, li ma ħallewx lid-dgħajsa tilħaq il-veloċità massima tagħha.

Aaron Ciantar, li kien il-pilota tad-dgħajsa, spjega li minkejja dawn l-isfidi, it-tim jinsab ferm sodisfatt bir-riżultati miksuba. "Dakinhar kellna xi problemi tekniċi u ma stajniex nisfruttaw il-potenzjal sħiħ tad-dgħajsa. Għalhekk, li ksibna t-tieni post fil-klassifika ġenerali, ir-rebħa fil-kategorija tagħna u t-titlu tal-Aqwa Dgħajsa Monohull huwa riżultat tajjeb ħafna kemm għat-tim kif ukoll għal dgħajsa mibnija f’Malta," qal Ciantar.
Huwa rringrazzja wkoll lil Visit Malta għall-appoġġ li ngħata lit-tim. Flimkien ma’ Aaron Ciantar, kien hemm Jurgen Barbara bħala ko-pilota, bit-tnejn li huma jikkontribwixxu għal dan is-suċċess li kompla juri l-kapaċitajiet tat-tim Malti fuq livell internazzjonali.
Minn Gwida.mt nifirħu lil Team Chaudron 99, lil Aaron Ciantar u lil Jurgen Barbara għal dawn ir-riżultati mill-isbaħ, li bla dubju huma ta’ unur għal Malta!