“It-Traġedja Tal-Vulcan Bomber Se Tibqa’ Mfakkra Tul Is-Snin” – Is-Sindku Ta’ Ħaż-Żabbar Jorge Grech

Is-Sindku ta’ Ħaż-Żabbar, Jorge Grech, fakkar il-mumenti emozzjonanti li għexet il-komunità Żabbarija matul is-sena li għaddiet, meta ġie mfakkar il-50 anniversarju mit-traġedja tal-ajruplan Vulcan Bomber li kien iġġarraf f’Ħaż-Żabbar. Permezz ta’ kitba fuq il-midja soċjali, huwa qasam għadd ta’ ritratti minn dawn il-mumenti speċjali, li matulhom ingħata ġieħ lill-vittmi u lill-familjari tagħhom.

"Għal min bħali ma kienx jeżisti jew ma jiftakarx din it-traġedja, is-sena l-oħra erġajna għexna mumenti ta' tifkira, denja u rispett lejn il-vittmi, il-familjari u ħbieb tagħhom," kiteb is-Sindku. Huwa spjega kif din il-ġrajja issa ġiet dokumentata fi ktieb u f’dokudrama, filwaqt li ġiet spjegata wkoll lill-istudenti tal-iskola primarja, sabiex il-memorja tagħha tibqa’ ħajja fost il-ġenerazzjonijiet iżgħar.

Grech fakkar ukoll iż-żjara ta’ delegazzjoni mir-Royal Air Force (RAF) f’Ħaż-Żabbar, kif ukoll iż-żjara reċiproka ta’ delegazzjoni Maltija fil-kwartieri ġenerali tagħhom f’Lincoln, l-Ingilterra. "Dan kollu wassal biex il-Kaptan jinżel lura Malta wara ħamsin sena u niżel fuq il-post fejn seħħet din it-traġedja f'Marzu u ltaqa' wkoll mal-familjari tal-vittmi," spjega Grech.

Is-Sindku temm billi esprima x-xewqa tiegħu li l-avvenimenti u l-mumenti ta’ tifkira li seħħew matul l-aħħar sena jiġu dokumentati wkoll, sabiex din il-ġrajja tibqa’ mfakkra tul is-snin.

Ritratt:

Facebook / Jorge Grech

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI