“Il-Covid-19 Kabbret L-Inugwaljanza Bejn Is-Sessi Fit-Tqassim Tar-Responsabbiltajiet Tad-Dar U Tal-Kura Li Mhumiex Imħallsa”

Studju li sar mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (l-NCPE) sab li l-pandemija tal-Covid-19 qiegħda tiggrava l-inugwaljanzi tal-ġeneru li diġà jeżistu fit-tqassim tar-responsabbiltajiet tad-dar u tal-kura li mhumiex imħallsa. L-istudju sħiħ tar-riċerka jista’ jinqara hawn.

Dan l-istħarriġ sar fl-isfond tal-bidliet f’daqqa li ġiegħlu lil bosta individwi jaddattaw għal xogħol u prattiċi soċjali radikalment differenti dovuti mill-ħtieġa li titwaqqaf l-imxija tal-Covid-19.

Is-sejbiet ewlenin tal-istudju kienu:



  •       58.4% tar-rispondenti nisa ddikjaraw li s-sigħat dedikati għax-xogħol tad-dar żdiedu matul il-pandemija, meta mqabbla ma’ 55.2% tal-irġiel.
  •       Ir-rispondenti nisa rrappurtaw żieda ġenerali ogħla (63%) fil-kura tat-tfal, meta mqabbla ma’ l-irġiel (60.7%). Barra minn hekk, in-numru ta’ nisa li li rrapportaw żieda fil-kategorija ta’ “Żdied bi 13-il siegħa jew aktar” irdoppja.
  •       Hemm differenza sostanzjali ta’ 16% bejn ir-rispondenti nisa u rġiel li rrappurtaw żieda fil-ħin iddedikat għax-xogħol tal-iskola mid-dar – 80.2% għan-nisa u 64.2% għall-irġiel.
  •       Ir-rispondenti nisa kienu aktar probabbli li jirrappurtaw żieda fis-sigħat li għaddew jieħdu ħsieb adulti dipendenti matul il-pandemija – 54.7% meta mqabbla ma’ 44% tal-irġiel.
  •       49.2% tan-nisa bi tfal ta’ 15-il sena jew iżgħar iddikjaraw li d-divertiment/il-ħin liberu tagħhom naqas meta mqabbel ma’ 42.4% tal-irġiel.
  •       52.8% tar-rispondenti nisa bi tfal ta’ 15-il sena jew iżgħar irrappurtaw tnaqqis fil-ħin iddedikat għall-kura personali, meta mqabbel ma’ 36.8% tal-irġiel.
  •       43.8% tar-rispondenti nisa u 39.3% tar-rispondenti rġiel bi tfal ta’ 15-il sena jew iżgħar irrappurtaw tnaqqis fis-sigħat tal-irqad.
  •       Ħafna iktar nisa ħassew li r-responsabbiltajiet domestiċi ma kinux maqsuma b’mod ugwali mas-sieħeb tagħhom meta mqabbla ma’ dawk l-irġiel li wieġbu. 



Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-istħarriġ ma kejjilx il-ħin iddedikat għal dawn id-diversi xogħlijiet, iżda ħares biss lejn iż-żieda/tnaqqis matul il-COVID-19. 

L-istudju tar-riċerka jikkonkludi li, sabiex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi evidenti, wieħed jeħtieġ jinvesti u jibni fuq miżuri eżistenti – billi jitjiebu s-servizzi ta’ kura u jitkattar ambjent tax-xogħol aktar flessibbli. Barra minn hekk, hemm bżonn li jsir ħafna iktar xogħol biex nippromwovu u ndaħħlu bidliet fl-imġiba li jkissru l-isterjotipi tas-sessi u jegħlbu l-irwoli tradizzjonali tas-sessi.



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI