Il-Fondazzjoni BOV nediet sejħa ġdida għall-applikazzjonijiet iffukata fuq l-għarfien u l-ħiliet meħtieġa biex wieħed jimmaniġġja l-finanzi tiegħu. Permezz ta’ din is-sejħa, l-organizzazzjonijiet eliġibbli huma mistiedna jressqu inizjattivi prattiċi li jgħinu lin-nies fil-komunitajiet f’Malta u Għawdex jifhmu aħjar il-finanzi u jieħdu deċiżjonijiet aktar infurmati.
Is-sejħa tagħmel parti mill-pilastru tal-Edukazzjoni tal-Fondazzjoni u tirrifletti l-importanza dejjem akbar tal-ħiliet finanzjarji fil-ħajja ta’ kuljum.
Kemm jekk qed nippjanaw l-infiq u nfaddlu, nifhmu kif jaħdem il-kreditu, inħejju għall-irtirar jew nużaw servizzi finanzjarji dejjem aktar diġitali, illum ilkoll irridu nieħdu deċiżjonijiet finanzjarji li jistgħu jħallu effett fit-tul fuq il-benesseri tagħna u fuq il-kapaċità tagħna li nilqgħu għal diffikultajiet finanzjarji.
Is-sejħa tidentifika ħames gruppi ewlenin ta’ prijorità: tfal ta’ bejn il-11 u s-16-il sena; żgħażagħ ta’ bejn is-17 u l-25 sena; adulti ta’ bejn is-26 u l-64 sena; persuni ta’ 65 sena jew aktar; u gruppi oħra li jeħtieġu edukazzjoni finanzjarja aktar aċċessibbli jew imfassla skont il-kuntest kulturali tagħhom.
Għal dawn il-gruppi kollha, l-enfasi hija fuq riżultati li jistgħu jitkejlu u impatt fit-tul, mhux sempliċement fuq l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet.
Il-proġetti għandhom juru x’bidla jixtiequ jġibu, kif se jkejluha, u kif ir-riżorsi li jiżviluppaw jew it-tagħlim miksub jistgħu jibqgħu jkunu ta’ ġid għall-komunitajiet anki wara li jintemm il-perjodu ta’ finanzjament.
Il-proposti jistgħu jindirizzaw firxa wiesgħa ta’ sfidi finanzjarji li n-nies jiltaqgħu magħhom fil-ħajja ta’ kuljum.

Dawn jinkludu għajnuna liż-żgħażagħ biex jitgħallmu jippjanaw l-infiq tagħhom; appoġġ lil adulti żgħażagħ meta jibdew jaħdmu u jgħixu b’mod indipendenti; ippjanar aħjar għall-irtirar; inizjattivi biex persuni akbar fl-età ma jitħallewx lura fid-dinja diġitali; u l-iżvilupp ta’ għodod finanzjarji aċċessibbli għal komunitajiet li l-ħtiġijiet tagħhom mhux dejjem jintlaħqu biżżejjed mill-edukazzjoni finanzjarja tradizzjonali.
Se tingħata preferenza lil proġetti mfassla flimkien mal-komunitajiet li huma maħsuba għalihom, u lil metodi aċċessibbli u interattivi minflok tagħlim tradizzjonali bbażat fuq lezzjonijiet f’ambjent ta’ klassi.
Ernest Agius, id-Deputat President tal-Fondazzjoni BOV u ċ-Chief Operations Officer tal-Bank, spjega kif, “Il-litteriżmu finanzjarju, fl-aħħar mill-aħħar, ifisser li nagħtu lin-nies aktar kunfidenza u ħiliet biex jieħdu d-deċiżjonijiet li jiltaqgħu magħhom fil-ħajja ta’ kuljum.
Dawn id-deċiżjonijiet jinbidlu minn stadju għall-ieħor ta’ ħajjitna, iżda dejjem jibqa’ importanti li nifhmu l-għażliet li għandna quddiemna u l-konsegwenzi tagħhom.
L-għarfien u l-ħiliet finanzjarji mhux biss jgħinu lill-individwu jgħix aħjar, iżda jikkontribwixxu wkoll għal komunitajiet aktar inklużivi u aktar kapaċi jiffaċċjaw id-diffikultajiet.”
Is-sejħa tipprevedi għotjiet indikattivi ta’ bejn €2,000 u €15,000 għal kull proġett. Huwa mistenni li jingħataw bejn erba’ u tmien għotjiet, skont id-domanda u d-daqs tal-proġetti.
L-applikazzjonijiet se jiġu evalwati skont kemm jaqblu mal-prijoritajiet strateġiċi tal-Fondazzjoni, l-evidenza tal-ħtieġa li jindirizzaw, ir-riżultati mistennija, il-kapaċità li jitwettqu, ir-riskji u l-valur tagħhom.

L-applikazzjonijiet jiftħu fis-6 ta’ Novembru 2026 u għandhom jitressqu sa nhar il-Ġimgħa, 18 ta’ Diċembru 2026. L-applikanti jiġu mgħarrfa bir-riżultat sa nhar il-Ġimgħa, 26 ta’ Frar 2027.
Is-sejħa għall-applikazzjonijiet u n-nota ta’ gwida li takkumpanjaha jinkludu l-proċess tal-applikazzjoni, il-formoli u r-rekwiżiti dettaljati għas-sottomissjoni.
Biex ikunu eliġibbli, il-proġetti jridu jitwettqu fuq bażi mhux kummerċjali, mingħajr promozzjoni ta’ prodotti jew servizzi finanzjarji speċifiċi. Fejn huwa applikabbli, iridu jinkludu wkoll miżuri xierqa għall-ħarsien tal-parteċipanti, għall-aċċessibbiltà u għall-protezzjoni tad-data.
L-applikazzjonijiet għandhom jitressqu permezz tal-formola online (Volunteer Application) sad-data tal-għeluq. Din tinsab fuq is-sit tal-Bank https://www.bov.com.
Dawk interessati li japplikaw u li, wara li jaqraw is-sejħa u n-nota ta’ gwida, ikunu jeħtieġu aktar kjarifiki, jistgħu jikkuntattjaw lill-Fondazzjoni fuq [email protected].